Busuttil mitlub jressaq il-provi li se jinkisirlu d-dritt li jkollu smigħ xieraq

Dan wara li ried li l-Imħallef Antonio Mizzi ma jkomplix bis-smigħ tal-każ relatat mal-Panama Papers minħabba li martu hija MEP Laburista

L-Imħallef Joseph Zammit McKeon staqsa lill-eksKap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil biex jressaq il-provi għaliex iqis li jekk l-Imħallef Antonio Mizzi jibqa’ jisma’ l-każ relatat mal-Panama Papers, se jinkisirlu d-dritt li jkollu smigħ xieraq.

L-Imħallef iddeċieda li jagħti żmien ġimgħa biex Simon Busuttil jressaq dawn il-provi.

Busuttil kien talab lill-Imħallef Mizzi sabiex ma jkomplix bis-smigħ tal-każ għaliex martu hija l-MEP Laburista Marlene Mizzi.

L-Imħallef Mizzi kien iddeċieda li jkompli bis-smigħ u din il-kwistjoni spiċċat quddiem il-Qorti Kostituzzjonali, hekk kif Simon Busuttil fetaħ każ kontra l-Avukat Ġenerali.

Aktar kmieni l-Qorti kienet iddeċidiet li l-Prim Ministru Joseph Muscat, il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff tal-PM Keith Schembri flimkien ma’ persuni oħra kienu se jidhru flimkien fil-każ.

L-Imħallef Zammit McKeon iddikjara li l-legalità tal-każ se jiġi deċiż f’seduta waħda u li ma kienx se jippermetti argumenti li mhux meħtieġa għall-każ.

More in Qrati u Pulizija