Jeħel €7,000 għax għajjar lill-Ministru fuq Facebook

Joe Mizzi fetaħ libell kontra raġel mill-Birgu li għajru għax it-triq tiegħu baqgħet maqlugħa

Raġel ta' 58 sena ngħata multa ta' €7,000 wara li kiteb kummenti li l-Qorti qieset bħala malafamanti fil-konfront tal-Ministru Joe Mizzi, fuq il-paġna ta' Facebook tiegħu.

Lawrence Grech mill-Birgu kien irrikorra għal Facebook sabiex jiżvoga dwar l-istat li kienet tinsab fih it-triq tiegħu, li kienet ilha għaddejja bix-xogħlijiet għal 18-il xahar. Fl-istess waqt, triq biswitha kienu qed isirulha xi xogħlijiet minħabba l-miġja tar-Reġina Eliżabetta f'Malta, u dawn kienu qed isiru mingħajr waqfien. Grech kien irrabjat għall-fatt li kien hemm 12-il ħaddiem jaħdem fuq it-triq biswit sabiex titlesta fl-inqas żmien possibbli.

Minħabba f'hekk, Grech, fid-9 ta' Diċembru tal-2015, kien ilmenta fuq Facebook, waqt li żejjen il-kumment b'għadd ta' titli u kliem dispreġġjattiv, fejn kien waħħal fil-Ministru Mizzi minħabba d-dewmien fix-xogħlijiet. Jumejn wara dawn il-kummenti, Mizzi fetaħ libell kontra Grech għaliex sostna li l-kumment kien wieħed malafamanti fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti nnutat kif meta nftetaħ il-każ, Grech neħħa l-kumment iżda baqa' fatt li dan ġie mqassam mas-700 ħabib fuq Facebook, u dan filwaqt li ma offra l-ebda apoloġija pubblika.

Intqal ukoll kif dawn il-kummenti offensivi ġew ripetuti għal tliet darbiet u ma setgħux jiġu meqjusa bħala kumment ġust. Il-maġistrat qal li skont l-Att dwar l-Istampa, dan kien 'abbuż sfaċċat tal-media soċjali', waqt li sostniet li l-att kien 'kodard u malizzjuż' kontra l-integrità personali tal-Ministru Mizzi.

More in Qrati u Pulizija