Familja mis-Swieqi ssib Libjan jisraq f'darhom f'nofs ta' lejl

Familja mis-Swieqi qamet f'nofs ta' lejl bi ħsejjes strambi fid-dar tagħħom, li rriżultaw minn ħalliel li kien qiegħed jisraqhom

Familja mis-Swieqi lbieraħ billejl ħadu l-akbar qatgħa ta' ħajjithom hekk kif f'nofs ta' lejl sabu ħalliel armat idur f'darhom.

Il-ħalliel, Walid Ben Muftah, Libjan ta' 25 sena, ttella' l-Qorti dalgħodu quddiem il-Maġistrat Ian Farrugia, akkużat b'serq aggravat ta' tliet ċrieket tad-deheb, par imsielet, laptop, żewġ kameras mid-dar tal-familja fis-Swieqi. Huwa kien mixli wkoll li kellhu fuqhu żewġ skieken mingħajr il-permess tal-Pulizija għalihom u li kien reċediv.

L-Ispettur tal-Pulizija Nikolai Sant spjega fil-Qorti kif għall-ħabta tat-3:30 ta' filgħodu, l-familja inħasdet b'xi ħsejjes strambi fid-dar tagħhom, u wara sabet lil Ben Muftah iqalleb fid-dar tagħhom bl-iskop li jsib x'jisraq. B'xi mod membri tal-familja rnexxielhom iżommu lill-ħalliel sakemm waslu l-Pulizija fuq il-post.

Dan il-każ huwa simili ta' oħrajn li ġew irrappurtati mill-ILLUM, fejn residenti mis-Swieqi qed jaffaċjaw numru ta' abbużi fuq il-propretajiet tagħhom u jesperjenzaw vandaliżmu u serq minn naħa ta' barranin.

Ben Muftah, li fl-2015 kien weħel il-ħabs wara serq minn kamra f'Lukanda u li ħareġ mill-ħabs daqs tliet xhur ilu biss, qal lill-Pulizija li ma ftakarx kif sab ruħu fid-dar tal-familja fis-Swieqi u li mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.

L-avukat Christopher Chircop, id-difensur ta' Ben Muftah talab il-ħelsien mill-arrest għall-klient tiegħu. L-Ispettur Sant oġġezzjona għat-talba "f'isem is-soċjetà," hekk kif argumenta li l-Libjan m'għandux indirizz fiss u jgħix fiċ-ċentru miftuh ta' Ħal Far.

"Familja sabet lil dan l-individwu fid-dar tagħhom wara li semgħu ħsejjes f'nofs ta' lejl. Dan ma jistax ikun tollerat fis-soċjetà tagħna". sostna l-Ispettur,

Il-Qorti ċaħdet it-talba ta' ħelsien mill-arrest, hekk kif ikkunsidrat l-akkużat mhux affidabbli biex ikun ħieles.

More in Qrati u Pulizija