Seraq cash register ta' grocer u ħarab jiġri bih

Il-ħalliel kien armat b'sikkina u wiċċu mgħammad

Ammont ta’ flus kontanti dalgħodu nsterqu minn ħanut tal-merċa fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.

Kien ftit wara s-5:45  ta' dalgħodu li l-Għassa ta’ San Ġiljan kienet infurmata li kien intlemaħ raġel b’cash register f’idejh jiġri ‘l barra mill-istabbiliment imsemmi.

Għalhekk, il-Pulizija tad-Distrett minnufih marru fil-ħanut imsemmi, fejn hemmhekk instab impjegat t’għoxrin sena li kien allegatament safa vittma ta’ serqa.

Fil-fatt, minn investigazzjonijiet preliminari jirriżulta li ħabta u sabta daħal raġel mgħammad u armat b’sikkina wara l-bank, imbotta lill-imsemmi mpjegat u ħataf il-cash register qabel ħarab.

Ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident u l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija