Allan Galea jeħel sitt snin ħabs għall-qtil ta’ Anthony Borg, il-Bona

Sitt snin ghal qtil volontarju skużabbli

Allan Galea
Allan Galea

Allan Galea, ġie kkundannat sitt snin ħabs mill-Imħallef Antonio Mizzi wara li l-ġuri sabitu  ħati għall-qtil volontarju skużabbli ta’ Anthony Borg magħruf bħala il-Bona. Galea, li għandu 36 sena u huwa bejjiegħ fil-monti ta’ Marsaxlokk, kien qatel lil Borg fil-21 ta’ Frar tal-2010 fil-pjazza ta’ Marsaxlokk.

Galea kien qatel lil Borg b’daqqiet ta’ sikkina wara li Borg hedded lil Galea u anke spara numru ta’ tiri qabel inqatel.

Il-ġurati għaddew il-verdett tagħhom b’sitta favur u tlieta kontra wara deliberazzjoni ta’ madwar erba' sigħat, ħin pjuttost qasir għal ġuri li dam sittax-il jum. Galea, li kien qed jiffaċja sentenza ta’ għomor il-ħabs għal qtil volontarju, ngħata sentenza ta’ sitt snin wara li l-ġurati ħassew li l-akkużat kien qed jiddefendi lilu nnifsu għalkemm aċċeda l-limiti permessi mill-liġi għad-difiża personali.

L-avukat tal-Prosekuzzjoni Lara Lanfranco, għall-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, talbet lill-Qorti timponi sentenza qrib il-massimu biex din
isservi ta’ twissija lill-pubbliku li aħna m’aħniex ngħixu fil-liġi tal-ġungla iżda hemm regoli li rridu nimxu magħhom f‘ċirkostanzi bħal
dawn. Hi sostniet ukoll li dan ma kienx il-ġuri ta’ Anthony Borg iżda ta’ Allan Galea.

Għad-difiża, l-avukat Joe Giglio qal li għalkemm f’dan it-tip ta’ reat tapplika sentenza massima ta’ 12-il sena ħabs, il-liġi ma tagħmilx
referenza għal sentenza minima.

Wara li ngħatat is-sentenza, Galea għannaq lill-avukati difensuri tiegħu u lill-qraba u ħbieb li kienu preżenti fl-awla.

More in Qrati u Pulizija