Dealer tal-karozzi froda €120,000

mill-Qorti

Id-direttur tal-kumpanija Direct From UK Car Dealer u Direct Cars Malta ġie kkundannat disa’ snin ħabs wara li ammetta li froda kważi mitt persuna b’aktar minn €120,000 meta kien jieħu depożiti biex jimporta karozzi mill-Ingilterra, u li dawn qatt ma ngħataw lill-klijenti.

Duncan Buttigieg, ta’ 31 sena minn Ħal Għaxaq, ammetta wkoll li froda lill-Gvern fuq servizzi soċjali.

Il-Qorti semgħet kif l-akkużat kien arrestat u mressaq il-Qorti wara li l-pulizija rċevew bosta lmenti minn klijenti dwar l-aġir ta’ Buttigieg. Il-prosekuzzjoni spjegat li bosta persuni kienu jħallsu eluf ta’ ewro f’depożiti sabiex Buttigieg jimporta karozzi mill-Ingilterra, u li sussegwentament dawn spiċċaw ta’ fuqhom senduqhom mingħajr karozza u mingħajr flushom.

Huwa mifhum li f’xahar wieħed biss, f’Ottubru tal-2012, il-pulizija rċeviet bosta rapporti kontra Buttigieg wara li dan kien irċieva depożiti bejn €1,500 u €6,000.

Il-Maġistrat Ian Farrugia sema’ wkoll kif l-akkużat kien ivvinta diversi siti biex ta l-impressjoni li huwa dealer tal-esperjenza, u li għadda n-nies biż-żmien. Il-Qorti qalet li l-ħati ħoloq storja preċiża u kkalkulata biex jidħaq bin-nies.

Il-Maġistrat innota wkoll li Buttigieg diġà nstab ħati għaxar darbiet u li dan jinsab fil-kondotta kriminali tiegħu. Minħabba l-kondotta inkwetanti ta’ Buttigieg, il-Maġistrat Farrugia aċċetta l-parteġġjament bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża u kkundannah disa’ snin ħabs. 

Intant, ġurnata biss wara s-sentenza, Buttigieg, reġa’ kien il-Qorti, akkużat li għamel użu minn ċekk misruq u falz biex jixtri arloġġ Rolex li jiswa madwar €5,000. Fl-aħħar tas-seduta, huwa tkellem mal-ġurnalisti u qal li huma biss 42 persuna minn 77 li ġew iffrodati li għadhom ma tħallsux. Qal li għandu jagħtihom €40,000. 

More in Qrati u Pulizija