Vendikazzjoni jew bżonn?

Transfers fil-Korp tal-Pulizija

“It-transfers isiru skont iċ-ċirkostanzi u l-eżiġenzi tal-Korp”
“It-transfers isiru skont iċ-ċirkostanzi u l-eżiġenzi tal-Korp”

Dan l-aħħar il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi, għamel diversi Mistoqsijiet Parlamentari dwar in-numru ta’ transfers fi ħdan il-Korp tal-Pulizija. Il-mistoqsija hija jekk dawn it-transfers sarux b’vendikazzjoni, kif qed jallega Jason Azzopardi, jew kif qed jgħid il-Ministru Manwel Mallia li t-transfers isiru skont iċ-ċirkostanzi u l-eżiġenzi tal-Korp.

ILLUM staqsa lid-Deputat Nazzjonalista għaliex ħass li kellu jagħmel dawn in-numru ta’ mistoqsijiet lill-Ministru Mallia. Fir-risposta tiegħu Azzopardi qalilna li kellu jagħmel tant mistoqsijiet lil Ministru Mallia dwar it-transfers fil-Korp tal-Pulizija għas-sempliċi raġuni li saru mijiet ta’ transfers b’vendikazzjoni jew frott l-inkompetenza ta’ tmexxija jew indħil politiku minn Gvern li ġie elett bil-wegħda li jintroduċi stil ġdid ta’ politika, iżda li minflok, nissel firda kbira b’politika partiġġjana f’Korp dixxiplinat.

“Jidhirlek li hu sew li f’pajjiż Ewropew fl-2013 u 2014, fejn suppost hemm Gvern liberali, terz tal-Korp tal-Pulizija ġie trasferit f’inqas minn sena

mill-elezzjoni? Jidhirlek li hu aċċettabbli li għax inbidel il-Gvern irid jitneħħa l-Kummissarju tal-Pulizija, u dan mhux għax naqas x’imkien jew kiser xi liġi? Taħseb li nistgħu nemmnu kliem il-Prim Ministru li qabel l-elezzjoni wiegħed li spiċċaw il-kuluri u li anke jekk ma taqbilx magħna, tista’ taħdem magħna?” staqsa Jason Azzopardi.

Huwa semma każ fejn f’ġimgħa waħda l-istess Maġġur ingħatat erba’ transfers, jew Maġġur ieħor li kien trasferit darbtejn f’inqas minn 12-il siegħa. Huwa kompla bil-mistoqsijiet jekk xi ħadd jistax jemmen lill-Ministru Mallia li fil-Parlament qallu li dawn saru biex il-Korp jiffunzjona b’mod effettiv. “Dawn it-transfers kollha fl-aħjar ipoteżi juru inkompetenza grassa jew fl-agħar ipoteżi juru vendikazzjoni u kattiverja,” saħaq il-kelliem Nazzjonalsita.

Jason Azzopardi qalilna li dan huwa aġir li jaqta’ qalb min irid jaħdem, jiddemoralizza lill-Korp u jnissel firda u rabja. Dan huwa aġir ta’ min il-poter telagħlu għal rasu u li jemmen li hu ’l fuq mil-liġi u li fl-amministrazzjoni tal-Gvern m’għandu jkun hemm ebda riga ta’ x’inhu sewwa u ħażin, iżda li kollox jgħaddi, temm jgħidilna Dr Azzopardi.

Dwar dawn l-allegazzjonijiet li għamel Jason Azzopardi, din il-gazzetta ħadet ir-reazzjoni tal-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali, Dr Manuel Mallia.

Il-Ministru Mallia qalilna li t-transfers kienu jsiru anke f’amministrazzjoni preċedenti, infatti fl-istess Korp tal-Pulizija fi ftit ġimgħat qabel l-aħħar Elezzjoni Ġenerali saru madwar 200 transfer. 

“Jien ma ngħidx li dawn it-transfers kienu vendikattivi, iżda Dr Azzopardi lanqas jista’ jgħid li t-transfers li saru taħt dan il-Gvern huma vendikattivi. Ħafna drabi Jason Azzopardi jitkellem mingħajr ma jkun jaf l-istampa reali,” qal Mallia.

Huwa kompla jgħid li ħafna transfers isiru għax hekk ikun meħtieġ biex il-Korp jiffunzjona b’effiċjenza, speċjalment f’Korp li tħalla b’nuqqas ta’ compliment li jammonta għal madwar 400 pulizija. 

“Għalhekk it-transfers isiru skont iċ-ċirkostanzi, pereżempju fejn tkun tinħtieġ aktar sigurtà u eżiġenza oħra. Jien nemmen ukoll li hija xi ħaġa pożittiva li diversi membri tal-Korp iduru f’diversi sezzjonijiet. Dan għax jippermetti li membru tal-Korp jiżviluppa aktar għax ikun jista’ jitgħallem fuq diversi aspetti u sezzjonijiet fil-Korp, filwaqt li hu fatt magħruf li meta persuna tkun ilha ħafna taħdem fl-istess dipartiment tkun worn out, jiġifieri forsi tidħol fir-rutina tax-xogħol u jew titlef l-interess jew inkella ma tibqax tagħti daqs kemm kienet tagħti qabel,” Qalilna l-Ministru Mallia.

Huwa temm jgħid li fil-Korp tal-Pulizija qed issir riforma sħiħa biex sa minn mindu jkunu rekluti, membri tal-Korp jieħdu t-taħriġ kollu neċassarju biex verament ikunu preparati biex jaħdmu f’oqsma ta’ sigurtà differenti, speċjalment fid-dawl tal-fatt li ġejjin ħafna avvenimenti importanti f’pajjiżna.

More in Qrati u Pulizija