Ġuvni ta’ 19-il sena mill-Ħamrun ġie miżmum taħt arrest wara li ġie mixli li l-Ħadd li għadda f’Wied il-Għajn ħebb għal kuġinuh u kkaġunalu feriti gravi permezz ta’ daqqiet ta’ mus.
Sorsi qalu li l-imputat, Brandon Pace, kien qed joħroġ ma’ tfajla, u din tal-aħħar issa qiegħda toħroġ ma’ kuġinuh, Ivan Farrugia. Pace u kuġinuh ilhom jargumentaw għal ħafna żmien, u nhar il-Ħadd li għadda l-kuġini reġgħu tlewmu dwar it-tfajla u allegatament Pace ta daqqiet ta’ mus lil Farrugia.
Il-vittma sofra ġrieħi gravi wara li waħda mid-daqqiet tal-mus nifdet il-pulmun tal-vittma. Huwa għamel tlitt ijiem l-isptar.
Min-naħa tagħha, id-difiża rrappreżentata mill-Avukat Joe Giglio qal li ma kienx se jagħmel talba għall-ħelsien mill-arrest tal-imputat peress li l-akkuża kienet “serja” u li jkun inutli li jagħmel it-talba. Madankollu, l-Avukat Giglio talab lill-prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Robert Said Sarreo, sabiex fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni jtella’ x-xhieda pajżana.
Il-Maġistrat tal-Għassa Francesco Depasquale ordna li Brandon Pace jinżamm taħt arrest u ordna wkoll lill-Ispettur sabiex itella’ x-xhieda pajżana malajr kemm jista’ jkun.