Qassis akkużat b’abbuż fuq minorenni

mill-Qorti

Fr Jesmond Gauci, qassis ta’ 40 sena mix-Xagħra, Għawdex, ingħata l-ħelsien mill-arrest wara li ġie mixli li abbuża minorenni.

Il-qassis, li huwa magħruf bħala ‘Il-Papa’, ngħata ħelsien mill-arrest kontra depożitu ta’ €1,000 u garanzija personali ta’ €5,000. Nhar it-Tlieta, il-Qorti ta’ Għawdex, ippreseduta mill-Maġistrat Paul Coppini, laqgħet it-talba tad-difiża u ordnat il-ġurnalisti joħorgu mill-awla, sabiex il-każ jinstema’ fil-magħluq.

Il-Qorti ordnat ukoll sabiex ikun hemm divjett fuq isem il-qassis. Però, il-Pulizija resqu appell quddiem il-qorti, fejn qalu li minkejja li hu qassis, l-imputat u l-każ innifsu m’għandhom xejn speċjali u għalhekk l-isem m’għandux jibqa’ mistur. Il-pulizija qalet ukoll li l-vittmi u Fr Jesmond Gauci ma jiġux minn xulxin, u għalhekk id-deċiżjoni tad-divjett ma kinitx iġġustifikata.

Nhar il-Ġimgħa, il-Maġistrat tal-Għassa ta’ Għawdex Neville Camilleri laqa’ l-appell tal-pulizija u ordna li l-isem ta’ Fr Gauci ma jibqax mistur. Minkejja li l-appell kontra divjett ġie milqugħ, sorsi qrib il-pulizija qalu li mhumiex beħsiebhom jagħmlu appell sabiex il-ġurnalisti jkunu jistgħu jisimgħu l-kumpilazzjoni kontra l-qassis Għawdxi – deċiżjoni li fl-opinjoni tal-pulizija “hija ġġustifikata minħabba n-natura sensittiva tal-każ.”

Minkejja li d-dettalji dwar il-każ innifsu u l-allegazzjonijiet ma jistgħux jiġu żvelati mill-prosekuzzjoni, sorsi qrib din il-gazzetta qalu li l-imputat huwa mixli li kkorrompa tlett ibniet. Huwa mifhum li l-bniet għandhom madwar 15-il sena, però sorsi oħra qalu li l-iżgħar vittma kellha biss tmien snin. L-allegat abbuż seħħ f’dawn l-aħħar xhur.

Intant, din il-gazzetta hija infurmata wkoll li l-qassis huwa magħruf bħala ‘Il-Papa,’ u li ilu qassis bejn għaxar snin u tnax-il sena. Huwa mifhum ukoll li l-qassis huwa “magħruf mal-familji Għawdxin,” u li meta tfajliet minuri ġew interrogati huma kienu jafu “mal-ewwel fuq min qed jiġu mistoqsija.” 

Fr Jesmond Gauci huwa wkoll għalliem tar-reliġjon fi skola sekondarja tas-subien fil-Ħamrun. 

Sorsi qrib il-gazzetta ILLUM qalu wkoll li l-Avukat Ġenerali appella sabiex il-ħelsien mill-arrest tal-qassis jiġi rrevokat minħabba biża’ ta’ intralċ ta’ provi. L-appell mistenni jinstema’ nhar il-Ħamis quddiem l-Imħallef Michael Mallia fil-qorti ta’ Malta.

Il-prosekuzzjoni hija mmexxija mill-Ispettur Sylvana Briffa. 

More in Qrati u Pulizija