Illiberat dak li aggredixxa u kiser idejn zitu

Terence Zahra ġie lliberat wara li tefa' l-awrina lil zitu

Terence Zahra ta’ 31 minn Wied il-Għajn ġie lliberat li aggredixxa u li kiser idejn zitu tar-rispett, Maria Liberata Gatt, wara li din tal-aħħar tefgħetlu kontenitur bl-awrina.

Il-każ seħħ fil-11 ta’ Settembru 2012 fiż-Żejtun, meta nqala’ diżgwid bejn iż-żewġ partijiet dwar xi drenaġġ li beda jqattar fil-propjetà ta’ Gatt. Il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri semgħet kif l-akkużat u zitu, li huma ġirien ta’ xulxin, kellhom diversi battibekki matul is-snin, tant hu hekk li ż-żewġ persuni għamlu diversi rapporti fl-Għassa tal-Pulizija.

Iżda l-argumenti bejn it-tnejn ħadu żvolta ġdida f’Settembru 2012 meta Gatt irrappurtat lil ġar tagħha lil tas-sanità minħabba ilma maħmuġ bl-awrina li kien qed jaqa’ għall-katusa tal-bir tagħha.

Fix-xhieda tagħha, Gatt qalet li malli Zahra rrealizza li rrappurtatu, huwa mar iħabbtilha l-bieb u beda jidgħi u joffendiha. Malli semgħet dan, Gatt għalqitlu l-bieb u qaltlu li ilha tieħu paċenzja u li issa qabeż il-limitu. Dlonk għalqitlu l-bieb f’wiċċu u marret iġġib kontenitur bl-awrina u waddbitulu għal saqajh.

Malli ra dan, Gatt qalet li n-neputi tagħha mbuttaha, waqqagħha mal-art u spiċċat biex kisret idejha l-leminija.

Iżda kemm Zahra u kif ukoll is-sieħba tiegħu, Vanessa Schembri, ċaħdu l-verżjoni taz-zija. Mill-provi jirriżulta li huwa minnu li Gatt waddbet l-awrina lil Zahra, però, skont Zahra, iz-zija waddbitulu lejn wiċċu meta hu kien dieħel fil-karozza tiegħu.

Zahra qal li wara li waddbitlu l-awrina għal wiċċu, zitu tfixklet f’rampa li kien hemm warajha bil-konsegwenza li waqgħet u kisret idejha.

Il-Qorti qalet li ma nġibux biżżejjed provi li l-akkużat imbotta lil zitu u li kisrilha jdejha u għalhekk ma sabitx lil Terence Zahra ħati tal-akkużi miġjuba kontrieh.

More in Qrati u Pulizija