Il-Kap tal-partit Nazzjonalista, Alex Borg, qal li gvern Nazzjonalista futur se jiżgura li ċ-ċittadini f’Malta u Għawdex igawdu minn servizzi tas-saħħa ta’ kwalità għolja.
Huwa kien qed jindirizza attività politika f’Għargħur fit-tielet jum tal-kampanja elettorali, fejn iltaqa’ mal-kandidati li qed jikkontestaw id-9 distrett.
Borg sostna li l-politika tkun fl-aqwa tagħha meta tiffoka fuq in-nies, u ħeġġeġ lill-kandidati biex jibqgħu viċin tal-elettorat, jispjegaw il-viżjoni tal-partit u jisimgħu l-ħtiġijiet tagħhom. Żied jgħid li l-Partit Nazzjonalista se jibqa’ qrib tan-nies anke wara l-elezzjoni.
Fost il-proposti li semma kien hemm żieda ta’ 25% fl-istipendji tal-istudenti, kif ukoll stipendi ogħla li jistgħu jilħqu sa €1,000 fix-xahar għal studenti fil-qasam tas-saħħa u x-xjenza. Qal ukoll li gvern Nazzjonalista jintroduċi inċentivi fiskali biex jinkoraġġixxi professjonisti Maltin fil-qasam tas-saħħa li jinsabu barra jirritornaw lejn pajjiżhom, inkluż eżenzjoni mit-taxxa għal ħames snin.
Fir-rigward tal-infrastruttura tas-saħħa, Borg irrefera għal pjan ta; erba’ sptarijiet ġodda, park nazzjonali tas-saħħa, estensjoni ta' l-isptar Mater Dei u r-riġenerazzjoni tal-hub ta’ Paola. Semma wkoll għotja ta’ €300 għal żgħażagħ bejn il-15 u l-25 sena biex jixtru smartwatch li jgħin fil-monitoraġġ tal-attività fiżika.
Is-settur tas-saħħa kien ċentrali fid-diskors tiegħu, fejn irrimarka l-isfidi eżistenti fis-servizzi tal-emerġenza u qal li dawn għandhom isiru ħaġa tal-passat taħt gvern Nazzjonalista, filwaqt li wiegħed aktar appoġġ lill-ħaddiema f’dan il-qasam.
Fit-tieni parti tal-intervent tiegħu, Borg ikkritika lill-gvern, fejn akkużah li qed juża riżorsi pubbliċi għal skopijiet politiċi u li qed iħallat il-linja bejn il-partit u l-istat. Sostna li s-saħħa tal-PN tinsab fin-nies, fl-enerġija u fid-determinazzjoni tiegħu.
Huwa appella lin-nies biex ikunu parti attiva mill-kampanja u jxerrdu l-messaġġ tal-partit qabel l-elezzjoni tat-30 ta’ Mejju, filwaqt li esprima fiduċja fil-momentum tal-PN u qal li l-partit huwa determinat li joffri “direzzjoni ġdida” għall-pajjiż.
Matul l-attività indirizzaw ukoll diversi kandidati, fosthom Graziella Attard Previ, Graham Bencini, Eve Borg Bonello, Albert Buttigieg, Beppe Fenech Adami, Marilena Gauci, Joseph Gilio, Jonathan Muscat, Noel Muscat, Alex Perici Calascione, Charles Selvaggi u Julie Zahra.