L-uffiċċju tal-Prim Ministru tradizzjonalment jorganizza festin il-Barrakka ta’ fuq, il-Belt fl-aħħar ta’ April. Din is-sena l-istess ġara, u bħas-soltu jkun hemm ġemgħa ta’ ministri, diriġenti politiċi mill-kamp tal-gvern u mistiedna speċjali miġburin jaraw in-nar. Kien hemm sentiment qawwi fl-attività li l-Labour kien se jirbaħ bil-kbir, fil-konverżazzonijiet kien hemm diġà min kien qed jitkellem dwar is-sondaġġ ta’ Marmara li kien ukoll qed jikkonferma din il-maġġoranza. Imma kien hemm min deher inkwetat. “Hemm overconfidence kbira li ma tagħmilx ġid lil-Labour. Irridu noqogħdu attenti. Għad hemm ħafna li vvutawlna fl-2022 li qed jgħidu li mhux se jivvutaw għall-PL. U dan Alex Borg mhux Bernard Grech jew Adrian Delia.”
Huwa minnu li l-magna tal-Partit Laburista u l-kampanja hija waħda impressjonanti. Huwa wkoll li Robert Abela ħareġ b’saħħtu fuq proposti u huwa minnu li l-Labour għandu tim komplut, id-diskors ta’ Ian Borg fil-mass meeting tal-l ta’ Mejju kien forsi iktar kawt. Borg li huwa d-Deputat Mexxej tal-PL qal lil-laburisti miġbura biex joqogħdu attenti li ma jiħdux kollox for granted.
L-istorja tgħallimna li l-politika u l-elezzjonijiet għandhom dinamika stramba u differenti. U wisq kunfidenza tista’ taħdem biex dawk li mhux se jivvutaw jibqgħu determinati li ma jivvutawx. Osservaturi politiċi jindikaw li l-indifferenza politika tista’ tikber jekk jaraw li l-Labour il-ħin kollu jgħid li se jirbaħ żgur u bil-kbir.
Fl-ewwel ta’ Mejju, iż-żewġ mexxejja dehru quddiem il-partitarji tagħhom. Id-diskors ta’ Abela kien sod u kif mistenni ċar. Imma fejn kien hemm stennija li d-diskors jew preżenza ta’ Alex Borg kienet se tkun waħda fjakka, issorprenda lil kulħadd bil-kunfidenza. U filwaqt li l-ġabra ta’ nies ma kienet xejn viċin il-mass meetings ta’ dari tal-PN, il-mass rally tal-PN f’Ħal Lija kienet forsi l-ikbar attività tal-PN f’ħafna snin.
Xorta jidher ċar li l-Labour għandu vantaġġ numeriku meta jgħajjat in-nies u kif ukoll organizzattiv. Imma jidher li l-PN issa jidher ikkargat għall-ġimgħat li ġejjin.
27 ġurnata oħra ta’ kampanja elettorali li twassalna għall-elezzjoni bikrija tat-30 ta’ Mejju.