MEPs Maltin jappoġġjaw il-ħolqien ta' klawżola sabiex jittaffa l-piż fuq il-gżejjer

Grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) minn madwar l-ispettru politiku, inklużi Peter Agius (PPE) u Thomas Bajada (S&D) ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi “klawżola tal-gżira” fis-Sistema għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet (ETS).

L-MEPs Maltin Peter Agius (PPE) u Thomas Bajada (S&D), flimkien ma’ kollegi mill-Italja u Ċipru, qed jappoġġjaw spinta bejn il-partiti għall-ħolqien ta' klawżola speċifikament iddedikata għall-gżejjer fis-Sistema għall-Kummerċ tal-Emmissjonijiet (ETS) tal-Unjoni Ewropea biex jitnaqqas l-impatt ekonomiku sproporzjonat fuq il-komunitajiet tal-gżejjer.

Grupp ta’ Membri tal-Parlament Ewropew (MEPs) minn madwar l-ispettru politiku ħeġġew lill-Kummissjoni Ewropea biex tintroduċi “klawżola tal-gżira” fis-Sistema għall-Kummerċ tal-Emissjonijiet (ETS), filwaqt li semmew l-impatt ekonomiku sproporzjonat tad-dispożizzjonijiet attwali tal-ETS fuq gżejjer-reġjuni u l-gżejjer li huma stati membri tal-Unjoni Ewropea; Malta u Ċipru.

F’ittra konġunta indirizzata lill-President tal-Kummissjoni Ewropea, l-MEPs Maltin Peter Agius u Thomas Bajada, l-MEPs Taljani Marco Falcone (PPE) u Giuseppe Lupo (S&D), u l-MEPs Ċiprijotti Michalis Hadjipantela (PPE) u Mavrides Costas (S&D) indikaw evidenza dejjem tikber tal-pressjoni li r-regolamenti tal-ETS qed ipoġġu fuq il-konnettività marittima u tal-avjazzjoni għall-gżejjer. L-ittra ntbagħtet fil-kuntest tax-xogħol li għaddej fuq Strateġija tal-Unjoni Ewropea għall-Gżejjer u l-Komunitajiet Kostali kif ukoll Strateġiji Industrijali, Marittimi u tal-Portijiet Ewropej.

L-ETS hija l-politika fundamentali tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima, imfassla biex tnaqqas l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra billi tistabbilixxi prezz fuq il-karbonju. Billi tirrikjedi li l-kumpaniji jixtru kwoti għall-emissjonijiet tas-CO₂ tagħhom, is-sistema tipprovdi inċentivi qawwija għall-industriji, l-operaturi tat-trasport u l-produtturi tal-enerġija biex inaqqsu l-impronta tal-karbonju tagħhom, u b’hekk għandha rwol kruċjali fil-kisba tal-miri tal-Unjoni Ewropea dwar il-klima.

L-MEPs ikkwotaw dejta li turi l-ispejjeż qawwija li diġà qed jinħassu. Skont l-Assoċjazzjoni Maltija tal-Operaturi tat-Tratturi u t-Trejlers, l-ETS u s-sovrata tal-fjuwil għal trejler wieħed ta’ vjaġġ bir-ritorn fuq ir-rotta Ġenova–Malta–Ġenova issa jammontaw għal €734.40. Sadanittant, il-Bank Ċentrali ta’ Malta jistma li t-tariffi tal-avjazzjoni tal-ETS waħedhom ikkawżaw tnaqqis ta’ €88 miljun għall-ekonomija Maltija fl-2024, anke qabel it-tneħħija skedata tal-kwoti bla ħlas tal-linji tal-ajru fl-2026.

Tħassib simili huwa nnutat f’reġjuni gżejjer bħal Sqallija u Sardinja, fejn l-operaturi tal-merkanzija jwissu li l-implimentazzjoni sħiħa tat-taxxi relatati mal-ETS tista’ żżid sostanzjalment l-ispiża tal-vjaġġi tul “awtostradi tal-baħar” ewlenin. L-MEPs komplew jenfasizzaw li żidiet bħal dawn mhux biss jaffettwaw lit-trasportaturi u lis-sidien tal-vapuri iżda jgħaddu wkoll tul il-katina tal-provvista, u b’hekk iżidu l-ispejjeż tal-input, inaqqsu l-kompetittività tal-esportazzjoni, u jaggravaw l-isfidi strutturali tradizzjonalment assoċjati mal-insularità.

Il-gżejjer, li huma dipendenti fuq l-avjazzjoni, jiffaċċjaw pressjonijiet addizzjonali. Iż-żieda fl-ispejjeż tal-konformità u t-tneħħija gradwali tal-kwoti bla ħlas jistgħu jgħollu l-prezzijiet tal-biljetti, inaqqsu l-affordabbiltà, u jaffettwaw b’mod negattiv il-konnettività, u potenzjalment jagħmlu ħsara lill-kompetittività ekonomika.

L-MEPs insistew li, skont l-Artikolu 174 tat-Trattat, il-Kummissjoni Ewropea hija obbligata li tindirizza l-iżvantaġġi ekonomiċi, soċjali u territorjali li jiffaċċjaw il-gżejjer. Huma jargumentaw li r-reviżjoni li ġejja tal-ETS, mistennija fit-tielet kwart ta’ din is-sena, tippreżenta opportunità biex tiġi introdotta l-proporzjonalità permezz ta’ “Klawżola tal-Gżira” applikabbli b’mod wiesa’, li tibbilanċja l-ambizzjoni klimatika mar-realtajiet ekonomiċi u soċjali tal-gżejjer.

More in Politika