Il-qawmien tal-Laburisti kontra l-konkrit fil-qalba tal-irħula

Vuċijiet Laburisti, minn veterani sa ministri u MEP’s, bdew jitkellmu kontra żvilupp eċċessiv fil-qalba tal-lokalitajiet u fiż-żoni UCA, f’dibattitu li qed jixħet dawl fuq tensjoni dejjem tikber bejn il-kliem tal-protezzjoni u l-poter

Il-kwistjoni tal-UCA u l-pressjoni dejjem tikber fuq il-qlub urbani f’Malta qed terġa’ tqajjem mistoqsijiet antiki li qatt ma sabu tweġiba ċara: fejn jispiċċa l-iżvilupp u fejn jibda d-dannu irreparabbli lill-identità tal-lokalitajiet? Għal snin twal, il-politika nazzjonali ppreżentat l-iżvilupp bħala mutur ekonomiku li ma jistax jieqaf, anke meta dan kien qed jinżel fil-qalba tal-irħula u bliet storiċi. Illum, madankollu, id-dibattitu jidher li qed jieħu xejra differenti, hekk kif vuċijiet mill-istess partit fil-gvern bdew jitkellmu dwar il-ħtieġa li jitpoġġew limiti aktar ċari u li l-wirt urban ma jibqax jitqies bħala ostaklu. 

Dak li jagħmel din il-mewġa ta’ kummenti aktar sinifikanti hu l-fatt li ġejjin minn persuni li, f’ħin jew ieħor, kienu parti mill-mekkaniżmu li ħoloq ir-realtà attwali. Bejn diskors dwar valuri Laburisti, appell għall-bilanċ bejn it-tkabbir u l-konservazzjoni, u ammissjonijiet indiretti li l-affarijiet “marru wisq ’il bogħod”, il-konverżazzjoni dwar l-UCA saret simbolu ta’ problema usa’ li taffettwa lill-pajjiż kollu. F’dan il-kuntest, każijiet bħal dak ta’ Ħaż-Żabbar ma jispikkawx bħala eċċezzjoni, iżda bħala eżempju ieħor ta’ kif il-politika tal-ippjanar qed tiġi kkontestata minn ġewwa, f’mument fejn il-partit fil-gvern jidher li qed jitħabat biex jirrikonċilja l-istorja tiegħu mal-preżent. 

Chris Fearne: Wieħed milli tkellem kien l-Eks Deputat Mexxej Laburista u Eks Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, li f’kumment pubbliku qabel mas-sentiment espress mill-President tal-Kumitat Laburista taż-Żejtun, Brian Scicluna, dwar dak li sejjaħ żvilupp eċċessiv fl-irħula Maltin. Fearne qal li, filwaqt li l-iżvilupp jibqa’ importanti, huwa ferm aktar importanti li l-ambjent urban u l-karatteristiċi li jagħtu identità lill-irħula jiġu mħarsa. 

B’ton li ftit li xejn instema’ minnu f’dawn l-aħħar xhur, Fearne qal li hu “kburi li qed ikun il-Partit Laburista li qed jitkellem dwar dan”, dikjarazzjoni li tiġi f’mument fejn l-Eks Ministru kien fil-parti l-kbira assenti mid-dibattitu politiku, hekk kif kien imdaħħal fi proċeduri fil-Qorti relatati mal-konċessjoni tal-isptarijiet. Il-kumment tiegħu dwar l-iżvilupp fil-qalba tal-irħula, għalhekk, jispikka, mhux biss għall-kontenut, iżda wkoll għall-ħin u ċ-ċirkustanzi li fihom ingħata, bħala l-ewwel intervent tiegħu fuq tema sensittiva li ilha snin titqies bħala kważi sagrosanta fil-politika tal-ippjanar. 

Carmelo Abela: Fuq l-istess tema tkellem ukoll l-Eks Ministru u Deputat Laburista Carmelo Abela, li ddeskriva d-dibattitu bħala “kontroversjali, kumpless u sempliċi fl-istess ħin” — formulazzjoni li diġà saret parti mil-lessiku politiku meta suġġett ikun diffiċli biex jiġi deċiż b’mod ċar. Abela rrefera għall-kunċett ta’ “gżira ta’ villaġġi” introdott f’Għawdex, li skontu joffri direzzjoni ċara dwar fejn m’għandux isir żvilupp. 

Huwa qal li l-istess approċċ għandu japplika għal Malta, u li l-protezzjoni m’għandhiex tieqaf maċ-ċentri storiċi biss, iżda testendi wkoll għal binjiet u żoni li jagħtu karattru uniku l-irħula u l-ibliet. Skont Abela, dan hu pass li Malta “tista’ u għandha” tieħu, anke għax għandha ekonomija b’saħħitha u minħabba t-twemmin tal-Partit Laburista. 

Diskors li, fil-kuntest tal-aħħar snin ta’ tkabbir intensiv u permessi kontroversjali, jinstema’ bħala sejħa għal linji aktar ċari f’qasam fejn il-konfini ilhom jitwessgħu bil-mod il-mod, sakemm il-“kumpless u sempliċi” spiċċa sar kważi norma. 

Edward Zammit Lewis: Intervent ġie mid-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis, li normalment jidher aktar komdu jitkellem dwar oqsma oħra milli jidħol direttament fil-mina minata tal-ippjanar. Din id-darba, iżda, Zammit Lewis qal li kien qed isegwi mill-qrib il-permess għal dar tal-anzjani fil-qalba ta’ Ħaż-Żabbar, każ li — skontu — wassal biex anke esponenti ewlenin tal-gvern u tal-Partit Laburista ħarġu kontra l-istess permess, “għal xi raġuni jew oħra”. 

Zammit Lewis qal li s-sitwazzjoni tikkonferma kemm l-Awtorità tal-Ippjanar qed tibqa’ insensittiva għas-sentiment tan-nies, u li dan in-nuqqas ta’ sensittività qed “iweġġa’ wisq”. Huwa sostna li l-politika tal-gvern u tal-entitajiet tiegħu trid tkun allinjata mal-aspirazzjonijiet tan-nies, aktar milli tiġi imposta minn fuq. 

Filwaqt li ammetta li mhux espert tal-ippjanar u lanqas tekniku, Zammit Lewis staqsa x’qed jinżamm milli jsir reviżjoni tal-local plans biex iż-żoni fil-qalba tal-lokalitajiet jiġu protetti b’mod kategoriku. Skontu, reviżjoni bħal din toffri ċertezza legali li biha “kulħadd ikun jaf fejn qiegħed” — argument li jinstema’ aktar bħala riflessjoni tardiva f’qasam fejn l-inċertezza ilha tinbena, permess wara l-ieħor. 

Alex Agius Saliba: Aktar dirett, iżda b’messaġġ imfassal tajjeb għall-pubbliku, kien l-intervent tal-MEP Laburista Alex Agius Saliba. Huwa esprima solidarjetà maż-Żabbarin u ta appoġġ sħiħ lill-Kunsill Lokali mmexxi mis-sindku Jorge Grech, fil-protesta kontra l-iżvilupp propost ftit passi ’l bogħod mis-Santwarju tal-Madonna tal-Grazzja. 

Agius Saliba enfasizza li Pjazza Medjatriċi “tixirqilha aktar rispett”, dikjarazzjoni qasira u qawwija li tqiegħed il-kwistjoni f’termini simboliċi u emottivi, aktar milli tekniċi. Diskors li jmur id f’id mal-irwol tiegħu bħala rappreżentant fil-Parlament Ewropew, fejn il-kliem dwar il-wirt, l-ispazju pubbliku u r-rispett lejn il-komunitajiet spiss jinstema’ aktar faċli milli jiġi infurzat fuq livell nazzjonali. F’dan il-każ, il-pożizzjoni tiegħu tikkontribwixxi għal kor dejjem jikber ta’ vuċijiet Laburisti li, mill-bogħod jew mill-qrib, qed jitkellmu kontra żvilupp li ilu snin jitqies bħala kważi inevitabbli. 

Clyde Caruana: Kumment ieħor ġie mill-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana, li tkellem mhux f’kapaċità ministerjali iżda “bħala Żabbari”. Caruana qal li jappoġġja l-pożizzjoni meħuda mill-Kunsill Lokali kontra l-iżvilupp fil-qalba ta’ Ħaż-Żabbar. 

Dikjarazzjoni qasira, iżda b’saħħitha, speċjalment meta tiġi minn ministru responsabbli mill-ekonomija f’pajjiż fejn l-iżvilupp ilu jitqies bħala wieħed mill-muturi ewlenin tat-tkabbir. Il-fatt li Caruana għażel li jindirizza l-kwistjoni bħala resident, u mhux bħala membru tal-Kabinett, jissottolinja t-tensjoni dejjem tikber bejn il-politika ekonomika li tippromovi t-tkabbir u s-sentiment lokali li qed jitlob aktar protezzjoni għall-ispazji u s-simboli li jagħtu identità lil-lokalitajiet. 

Brian Scicluna: L-aktar intervent bla tlaqliq, ġie mill-President tal-Kumitat Laburista taż-Żejtun Brian Scicluna, li pinġa stampa wiesgħa ta’ kif, skontu, l-iżvilupp f’Malta mexa minn għelieqi mibnija, għal terraced houses “imfawra bil-pencil developments”, u issa qed jimmira direttament lejn iċ-ċentri storiċi. Skont Scicluna, ir-“regħba” issa tefgħet għajnejha fuq il-UCAs, li suppost huma l-aħħar fortizzi tal-wirt urban.  

Scicluna rrefera għal sensiela ta’ każijiet riċenti, fosthom proposta ta’ tnax-il appartament fil-qalba tal-UCA ta’ Ħal Tarxien, fejn — skontu — l-iżviluppatur prova jdawwar il-liġi billi poġġa l-bieb tal-proġett fi triq li mhijiex parti mill-UCA. Huwa faħħar lill-kunsilli lokali ta’ Ħal Tarxien u ta’ Ħaż-Żabbar għall-oġġezzjonijiet tagħhom kontra żviluppi li, fil-fehma tiegħu, imorru kontra r-residenti u s-sostenibbiltà. Imma l-attenzjoni ewlenija tiegħu marret fuq iż-Żejtun, fejn qal li hemm proposta għal 45 garaxx u madwar għaxar appartamenti fil-qalba tal-UCA, proġett li, minkejja li jipprevedi l-preservazzjoni tal-faċċati, skont Scicluna ma jirrispettax il-karattru storiku tal-inħawi. Huwa insista li l-identità ta’ żona UCA ma tistax titnaqqas għal faċċata biss, u li titħalla qoxra u jinbena volum massiv warajha jammonta għal dak li sejjaħ overdevelopment sfaċċat. 

Scicluna qal li dan il-każ jirrifletti mudell li qed jerġa’ jirrepeti ruħu, fejn il-kreattività tintuża, mhux biex jinħolqu binjiet li jintegraw ruħhom fil-madwar, iżda biex jinstabu modi kif id-drittijiet tal-iżvilupp jiġu estiżi sal-limitu massimu permess. Skontu, il-proġett huwa insult, mhux biss għaż-Żejtun, iżda għall-UCAs ta’ Malta kollha, hekk kif jipprevedi intensità li tmur kontra l-għanijiet tal-konservazzjoni u l-integrità ta’ dawn iż-żoni. 

Huwa sostna wkoll li l-proposta tmur kontra l-iSPED, li jitkellem b’mod ċar dwar il-ħarsien tan-nisġa storika u tat-toroq tradizzjonali, u mhux dwar it-tgħaffiġ tagħhom. Scicluna temm billi appella lill-Awtorità tal-Ippjanar biex tisma’ mis-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u ma taċċettax il-proposta, waqt li esprima t-tama li l-istess reżistenza li dehret f’Ħal Tarxien u Ħaż-Żabbar tidher ukoll fiż-Żejtun. 

U hekk, f’qasam li għal snin twal kien jitqies bħala tabù politiku, id-dibattitu dwar il-UCA sab ruħu miġbud minn ġewwa l-istess partit fil-gvern. Bejn appelli għall-valuri, sejħiet għall-ħarsien tal-wirt u dikjarazzjonijiet ta’ solidarjetà mar-residenti, il-kliem qed joħroġ minn persuni li llum jew ilbieraħ kienu — u f’xi każi għadhom — fil-qalba tal-poter. Huwa hawnhekk li tinqala’ l-mistoqsija inevitabbli: jekk il-problema hi daqshekk ċara, u s-soluzzjonijiet daqshekk ovvji, għaliex il-politika tal-ippjanar għadha timxi bl-istess mod? 

Għax filwaqt li l-UCA qed titkellem bil-kliem tal-protezzjoni, il-permessi għadhom jitkellmu bil-lingwa tal-konkrit. U sakemm id-diskors jibqa’ jitħaddem minn dawk li għandhom is-setgħa li jbiddlu r-regoli — imma jagħżlu li jitkellmu minflok — il-qlub urbani ta’ Malta jibqgħu jitnaqqru, faċċata wara l-oħra, sakemm dak li suppost hu protett jibqa’ jeżisti biss fil-posts u fid-dikjarazzjonijiet pubbliċi.

More in Politika