Il-partit ADPD – The Green Party esprima tħassib dwar rapporti li jindikaw li l-Gvern qed jikkunsidra ftehim ġdid fuq medda qasira għall-provvista tal-gass, u sostna li kull kriżi internazzjonali qed turi nuqqas ta’ ippjanar fit-tul fis-settur tal-enerġija.
F’stqarrija maħruġa nhar il-Ħamis, iċ-chairperson Sandra Gauci qalet li l-politika enerġetika ma tistax tibqa’ tiddependi fuq infiq kbir ta’ sussidji kull darba li tinqala’ kriżi.
Hija kkritikat dak li sejħet bħala “wegħdiet bla sens” waqt il-kampanja elettorali, u sostniet li Malta għandha bżonn strateġija li tħares ’il quddiem u li tpoġġi l-enfasi fuq reżiljenza, sostenibbiltà u indipendenza.
Sandra Gauci wissiet li d-dipendenza qawwija ta’ Malta fuq fuels fossili importati qed tagħmilha vulnerabbli għal kriżijiet internazzjonali, fejn bidliet fis-swieq taż-żejt u tal-gass jistgħu jwasslu għal żieda fl-ispejjeż u instabbiltà ekonomika.
Min-naħa tiegħu, id-Deputat Chairperson Carmel Cacopardo qal li l-użu tal-interconnectors bħala soluzzjoni prinċipali wera li mhux biżżejjed, u enfasizza li l-enerġija rinovabbli tibqa’ l-unika soluzzjoni kredibbli fit-tul.
Huwa żied li żieda fil-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinovabbli tnaqqas l-emissjonijiet, tistabbilizza l-prezzijiet tal-enerġija u ssaħħaħ is-sigurtà nazzjonali.
ADPD irrimarka li ilu jipproponi politika enerġetika komprensiva b’enfasi fuq enerġija nadifa, proġetti komunitarji u investiment serju fl-effiċjenza enerġetika.
Il-partit temm jgħid li l-politika tal-enerġija għandha titqies ukoll bħala politika ambjentali, ekonomika u industrijali, u għalhekk teħtieġ approċċ olistiku.