Bħala sindku, x’inhu l-ikbar inkwiet tiegħek? X’inhi l-ikbar sfida għall-kostitwenti tiegħek?
Bħala Sindku, l-akbar inkwiet tiegħi jibqa’ l-indafa fil-lokalità. Waħda mill-isfidi prinċipali għall-kostitwenti tiegħi hija l-iskeda tal-ġbir taż-żibel, li spiss tqajjem tħassib fost ir-residenti. Barra minn hekk, l-istat tat-toroq jirrappreżenta sfida oħra, hekk kif hemm bżonn ta’ manutenzjoni u tiswija f’diversi żoni. Il-kwistjoni tas-sigurtà hija wkoll ta’ tħassib serju, speċjalment fid-dawl tan-nuqqas ta’ preżenza tal-pulizija fit-toroq, fejn għandna bżonn preżenza iktar qawwija minħabba s-serq.
Il-kunsill tiegħek kif javviċina l-iżvilupp urban filwaqt li jippreserva l-wirt u l-ambjent tal-lokalità?
Il-Kunsill javviċina l-iżvilupp billi joqgħod b’għajnejh miftuħin beraħ għal xi żvilupp f’żoni ODZ li naturalment jista’ b’xi mod jagħmel ħsara lill-ambjent u b’hekk nippreservaw il-wirt tagħna.
Taħseb li l-lokalità tiegħek għandha biżżejjed spazji miftuħa għar-residenti?
Ġewwa San Ġwann għandna madwar disa’ spazji miftuħa għar-residenti għalkemm ikollok kemm ikollok qatt mhuwa biżżejjed.
Fis-snin li ġejjin, x’għandha tkun il-prijorità tal-lokalità tiegħek? Kif tixtieq tara l-lokalità tiegħek tipprogressa fil-ħames snin li ġejjin?
It-traffiku esaġerat li jgħaddi minn San Ġwann — ħafna drabi kontinwu — kif ukoll l-indafa.
Xi proġetti pjanati hemm għal-lokalità tiegħek fil-futur qarib?
Fil-futur qarib, hemm diversi proġetti ppjanati fil-lokalità. Dawn jinkludu l-irranġar mill-ġdid ta’ Misraħ Awrekarja, kif ukoll il-ħolqien ta’ Community Garden fiż-żona ta’ Żwejt. Se jsir ukoll il-Belvedere ta’ Wied Għomor, bħala parti mill-proġett Vjal Kulħadd li ġie mħabbar mill-Gvern fl-aħħar tas-sena li għaddiet. Barra minn hekk, huwa ppjanat ir-restawr tan-Nuclear Underground Flour Mill, flimkien mal-proġett ta’ pedestrianisation ta’ Vjal ir-Rihan, li ġie mħabbar minn Project Green.
Xi tħoss li huwa nieqes mil-lokalità tiegħek li tixtieq tipprovdi lir-residenti?
Hemm bżonn Traffic Management għax jinġema’ ħafna traffiku f’ċerti partijiet ta’ San Ġwann.
Issib biżżejjed għajnuna mill-awtoritajiet fl-isfidi li taffaċċja bħala sindku?
Le, mhux biżżejjed għaliex hawn ħafna burokrazija.
Bidliet leġiżlattivi riċenti naqqsu l-età minima għas-sindki għal 16-il sena. Dan kif kellu impatt fuq il-kunsill tiegħek, u x’inhi l-perspettiva tiegħek dwar l-involviment taż-żgħażagħ fil-governanza lokali?
Impatt fuq il-Kunsill Lokali tagħna ma kienx hemm għar-raguni li l-membri eletti huma kollha ta’ età mhux żagħżugħa apparti wieħed. Naqbel li għandu jkun hemm iktar żgħażagħ involuti fil-governanza lokali. L-età ta’ 16 il-sena hija età żgħira ħafna meta tikkunsidra r-responsabbiltà li ġġorr magħha.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Verifika rrapporta li 16-il kunsill lokali temmew l-2023 b’kapital tax-xogħol negattiv, li jindika instabbiltà finanzjarja potenzjali. X’miżuri qed jiġu implimentati biex jiġi żgurat li l-kunsill tiegħek iżomm status finanzjarju b’saħħtu u jikkonforma mar-regolamenti finanzjarji?
Il-Kunsill jagħmel il-budgets tiegħu u jipprova jimxi magħhom għalkemm l-ispejjeż żdiedu u huma kbar ħafna iżda l-allokazzjonijiet finanzjarji min-naħa tal-Gvern baqgħu l-istess.
X’inhi l-opinjoni tiegħek dwar it-tqassim propostital-lokalitajiet fid-distrett skont kif qed jiġu ppreżentati mill-Uffiċċju Elettorali tal-PL, u ELCOM? Liema proposta taħseb li tkun l-aktar ta’ benefiċċju għall-pajjiż? Jew taħseb li għandu kollox jibqa’ kif inhu?
It-tqassim tal-lokalitajiet fid-distretti m’għandux isir għall-iskopijiet ta’ voti, speċjalment fejn post ma jmissx ma’ ieħor.
X’kienet l-aktar parti ta’ sodisfazzjon mir-rwol tiegħek bħala sindku s’issa?
Jiena ninsab kuntent ħafna għall-fatt li l-Kunsill kollu qiegħed jaħdem id f’id fl-interess tar-raħal ’il bogħod mill-politika partiġġjana.