Ramona Attard tħeġġeġ għal kompetenza tan-nisa fil-politika, mhux eżerċizzji simboliċi

Il-membru Parlamentari Ramona Attard tħeġġeġ li n-nisa fil-politika għandhom ikunu magħżula fuq il-kompetenza u l-valur tagħhom, mhux bħala simbolu biex juru li l-PN għandu rappreżentanza femminili

F’post fuq il-profil tagħha fuq Facebook, l-avukata u membru parlamentari tal-Partit Laburista Ramona Attard esprimiet l-aspettattivi tagħha dwar il-ħatriet fil-Partit Nazzjonalista, u enfasizzat l-importanza tal-kompetenza tal-mara f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija.

Attard qalet li hija tħares ‘il quddiem biex il-persuni kollha li ngħataw ħatra fil-PN “jikkontribwixxu biex issir politika ta’ sustanza, mingħajr attakki personali.” Fi kliemha, l-inklużjoni ta’ mara fit-tmexxija tal-Partit, li hi avukat bħaliha u esperta fil-volontarjat u fil-qasam tad-drittijiet indaqs, hija pass pożittiv.

Madankollu, Attard esprimiet diffidenza dwar ir-raġuni mogħtija mill-Kap tal-Oppożizzjoni, Alex Borg, li qal li ħa d-deċiżjoni wara laqgħa mal-Partit Laburista li fiha kienu “kollha rġiel.” “Propju għax naf lil Sabine, ma nemminx fir-raġuni li ingħatat mill-Kap tal-Oppożizzjoni, qisu dan kien xi eżerċizzju ta’ ‘tick the box’ biex il-PN jidher bin-nisa madwar il-mejda,” żiedet Attard. Qalet li r-raġuni għandha tkun “fuq il-bażi tal-kompetenza tal-mara li ntgħażlet.”

Attard qalet ukoll li l-Partit Laburista dejjem emmen fil-kontribut tan-nisa, u semmiet li l-Presidenti kollha ta’ Malta nisa ġew innominati minn Gvern Laburista. “Għall-ewwel darba għandna numru indaqs ta’ Membri tal-Ġudikatura nisa u rġiel, Avukat Ġenerali mara, u l-ewwel President mara tal-Partit Laburista – li kont jien – u bosta ħatriet oħra,” spjegat Attard.

Fil-konklużjoni, Attard enfasizzat li n-nisa għandhom ikunu inklużi f’pożizzjonijiet ta’ tmexxija mhux għal eżerċizzji simboliċi, iżda minħabba l-kompetenza tagħhom u l-kontribut li jistgħu jagħtu lill-politika u s-soċjetà.

More in Politika