Editorjal | Iva, il-finanzjament tal-partiti bżonn kbir

Il-finanzjament tal-partiti ma jistax jibqa’ tabù; mingħajru d-demokrazija tibqa’ ostagg tal-flus kbar u tal-poter

Meta waqt il-laqgħa bejn il-mexxejja tal-partiti politiċi, Alex Borg qajjem il-kwistjoni tal-finanzjament tal-partiti kien hemm is-soltu risposti li nsibu kemxejn mhux konvinċenti. 

Robert Abela rrisponda meta mistoqsi mill-istampa li Borg ried iqajjem din il-kwistjoni biex isolvi l-problemi tal-finanzi tal-Partit Nazzjonalista. U mbagħad il-media tal-One kompliet billi għamlet il-punt li dawn il-flus ħerġin mit-taxxi tal-poplu. 

Borg għamel punt importanti li l-finanzjament tal-partiti ssolvi l-problema tad-dipendenza tal-partiti fuq il-flus ta’ min irid jinfluwenza. 

L-argument li t-taxxi tal-poplu ħa jmorru biex jiffinanzjaw il-partiti kieku l-finanzjament tal-partiti jseħħ, huwa argument fjakk. Allaħares insemmu fejn qed imorru t-taxxi tal-poplu. 

Jew irridu nsaħħu d-demokrazija jew iridu nilagħbu bil-kliem.  

Illum huwa sigriet magħruf li n-negozji l-kbar jagħtu flejjes enormi lill-partiti politiċi, imma l-iktar il-partit li għandu ċ-ċwievet tal-poter f’idejh. 

Mid-disgħinijiet, mid-dellijiet ta’ tanġentopoli kien hemm l-għajta tal-bżonn li jkun hemm finanzjament tal-partiti. Mill-bidu nett kien hemm l-attitudni mill-partit fil-gvern li din ma ssirx. Għax min hu komdu fis-siġġu tal-poter hekk jaqbillu. 

Bil-finanzjament għaqli tal-partiti politiċi jinfetħu orizzonti ġodda għat-trasparenza fil-politika Maltija, kif ukoll il-possibbiltà li l-politiċi Maltin jagħmlu u jieħdu deċiżjonijiet kuraġġużi u importanti speċjalment fil-qasam tal-kostruzzjoni fejn il-plejers f’dan il-qasam għandhom poteri bla tmiem. 

Dan il-poter jużah jew jeżerċitawh, mhux għandhom il-voti, iżda għax għandhom is-saħħa tal-flus.   

Huwa għalhekk li din il-gazzetta tisħaq li r-riforma fil-finanzjament tal-partiti għandha tkun prijorità. U li Robert Abela għandu jikkunsidra li tinfetaħ diskussjoni dwar dan. 

U fuq l-ippjanar 

U huwa għalhekk li r-riforma fil-liġi tal-ippjanar għandha tiġi rtirata minnufih. U dan mhux għax qalu Alex Borg, imma għax din il-mossa fl-aħħar ta’ Lulju kienet eżerċizzju ċar favur l-interessi ta’ min irid ikompli jistupra lil dan il-pajjiż. 

U dan meta hemm l-għajta u l-karba anke minn bosta Laburisti ġenwini li pajjiżna għandu bżonn ikollu regolamenti tal-Ippjanar aktar stretti li jħarsu l-interessi kulturali, soċjali, ambjentali, u storiċi ta’ dan il-pajjiż. 

Qabel ma jaqa’ d-dmugħ 

Qabel ma nibdew nintilfu fuq l-impatt soċjali tal-qtil ta’ Charlie Kirk — li aħna ċerti li l-maġġoranza assoluta tal-Maltin u d-dinja ma kinux jaf bih — importanti li nieqfu minuta u naraw x’kien joħroġ minn ħalqu. 

Bniedem li l-ereżijiet li qal u l-mibegħda li ħarġet minnu, Alla biss jista’ jimmaġinahom. Kirk kien bniedem reazzjonarju li jrid irodd l-arloġġ lura. Persuna li uża l-Bibbja biex jargumenta u jfaħħar il-politika estremista kontra n-nisa, il-gays, is-suwed, favur Iżrael, u favur ovvjament Donald Trump. 

Min qatlu għamel ħażin. Imma f’dik l-art imbierka tal-Amerka fejn l-aċċess għall-armi huwa faċli daqs l-aċċess għal xi ġugarell, il-fibra morali ilha li spiċċat u telqet. 

U min f’pajjiżna ma jagħrafx dan, jagħmel hekk għax ma jafx jew ma jridx ikun jaf. 

More in Politika