Il-grupp ambjentali Il-Kollettiv laqa’ b’sodisfazzjon l-istqarrijiet riċenti tal-Ministru għall-Ippjanar Clint Camilleri, partikolarment dwar l-impenn li jitneħħew diversi klawsoli mil-liġijiet proposti ta’ riforma fl-ippjanar.
“Jidher ċar li l-gvern qed jirrikonoxxi l-iżbalji tiegħu, kemm fil-kontenut tal-liġijiet kif ukoll fil-mod kif dawn ġew mgħaġġla. Nieħdu l-istqarrijiet ta’ Camilleri bħala sinjal ta’ progress, u nittamaw li l-kumitat tal-gvern jiltaqa’ magħna fl-istess spirtu,” qal is-segretarju tal-grupp, Wayne Flask.
Flask insista li waqt li l-Kollettiv jaqbel mal-prinċipju li x-xogħlijiet tal-kostruzzjoni għandhom jitwaqqfu waqt l-appelli — kif kien imwiegħed mill-Prim Ministru fl-aħħar sentejn — l-aċċess ugwali u ġust għall-ġustizzja ambjentali għandu jkun garantit u mhux limitat.
Il-Ministru Camilleri kien qal nhar it-Tnejn f’intervista li l-gvern lest jemenda partijiet kruċjali mill-abbozzi ta’ liġijiet li jirriformaw is-settur tal-ippjanar.
Flask sostna li Artiklu 143, għandu jitħassar għal kollox. “Il-Ministru qal li dawn ir-riformi huma ta’ intenzjoni tajba, iżda qari bir-reqqa taż-żewġ abbozzi jikkontradixxi din l-idea,” żied jgħid.
Il-grupp qal ukoll li Camilleri kkonferma kif l-NGOs kienu korretti f’diversi punti ta’ feedback, u wera li n-narrattiva dwar appell frivoli jew oġġezzjonijiet magħżula kienet falza.
Flask qal li l-problema ewlenija tinsab għand min qed jagħti pariri lill-gvern u l-kwalità ta’ min qed jikteb dawn il-liġijiet. Huwa attakka direttament lill-avukat u perit Robert Musumeci, li skontu huwa l-awtur tal-abbozzi.
“Il-gvern seta’ kellu l-aħjar intenzjonijiet, iżda l-abbozzi miktuba minn Musumeci huma mxaqilba, jekk mhux anke malizzjużi, miktuba b’mod vag u juru nuqqas ta’ għarfien tal-bażi tal-ġustizzja f’demokrazija,” qal Flask.
Huwa żied jgħid li r-rekord ta’ Musumeci huwa marbut ma’ kunflitt ta’ interess evidenti u li diversi liġijiet miktuba minnu fil-passat kienu ineffettivi, kontroversjali u fallew milli jipproteġu l-ħajja fuq is-siti tal-bini. “Musumeci ma jistax ikun fdut b’ebda emenda jew tibdil ta’ dawn il-liġijiet,” sostna.
Il-Kollettiv tenna wkoll l-importanza li gruppi ta’ residenti jkunu parti mill-proċess ta’ konsultazzjoni, għax huma se jkunu l-aktar affettwati mid-deċiżjonijiet politiċi li jirriżultaw minn dawn ir-riformi.
L-NGO qalet li se tkun qed tirrappreżenta l-interessi ta’ dawn il-komunitajiet fid-djalogu mal-kumitat tal-gvern, u saħqet li ċ-ċittadini għandhom jiġu inklużi fid-dibattitu li jolqothom direttament.