Numru ta' politikanti isejħu għall-protezzjoni tas-sit arkeoloġiku ta' Santa Verna

Politikanti mill-Partit Laburista, Partit Nazzjonalista, l-ADPD u l-Partit Momentum huma fost dawk li qed jappellaw għall-protezzjoni ta' din is-sit li qed taħt theddida minn diversi proġetti ta' żvilupp

Is-sit ta' Santa Verna (Ritratt: FAA)
Is-sit ta' Santa Verna (Ritratt: FAA)

Politiċi, akkademiċi u attivisti ambjentali appellaw biex is-sit arkeoloġiku ta’ Santa Verna fix-Xagħra, Għawdex, ikun protett.

F’konferenza stampa li attendew għaliha politiċi minn partiti kbar u żgħar, intqal li minkejja li l-art hi parti importanti min-narrattiva preistorika ta’ Malta, bħalissa tinsab mhedda minn diversi proġetti ta’ żvilupp.

Fost dawk li indirizzaw lill-midja kien hemm il-Membru Parlamentari Laburista Katya De Giovanni, Arnold Cassola f’isem Momentum, u Sandra Gauci tal-ADPD.

Magħhom kien hemm ukoll ir-residenta tax-Xagħra u eks kandidata tal-PN għall-PE Norma Camilleri, il-kandidat Għawdxi tal-PN Luke Said, l-arkeologu Joseph M. Attard Tabone, l-etnobotaniku Timothy J. Tabone, u Dawn Adrienne Saliba, ko-fundatriċi ta’ MALTA-ARCH.

Il-kelliema ddeskrivew l-importanza arkeoloġika taż-żona ta’ Santa Verna bħala parti imprezzabbli mill-istorja preistorika ta’ Malta, marbuta mat-tempji ta’ Ġgantija, iċ-Ċirku tax-Xagħra u l-ewwel komunitajiet agrikoli tal-gżejjer.

Illum l-art tinsab mhedda minn pjanijiet għal toroq, djar u pixxini, b’referenza speċifika għal 18-il villa b’pixxina.

Saru referenzi wkoll għall-iskoperti f’Ta’ Lablab, fosthom qabar Neolitiku li fih instabu l-fdalijiet ta’ sebat itfal, kif ukoll għerien u diversi artefatti, bħala prova tal-valur arkeoloġiku taż-żona.

Joseph M. Attard Tabone, li għen fl-identifikazzjoni ta’ siti arkeoloġiċi mitlufa f’Għawdex u kkollabora mad-Dipartiment tal-Mużew, fakkar kif l-inħawi ta’ Santa Verna kienu l-ewwel art li xtraha l-gvern għall-preservazzjoni arkeoloġika fl-1911.

Fil-kontribut tiegħu, Luke Said qal li s-Supretendenza għall-Wirt Kulturali (SCH), l-awtorità responsabbli mill-protezzjoni tal-wirt kulturali, qed tfalli mill-obbligi tagħha.

Huwa semma każijiet fejn fdalijiet umani qrib Santa Verna kważi ntefgħu taħt il-bini, kif ukoll in-nuqqas tal-SCH li tqiegħed fil-protezzjoni l-uniċi barrakki Brittaniċi f’Għawdex minkejja għadd ta’ oġġezzjonijiet.

Sandra Gauci wissiet kontra sistema fejn iċ-ċittadini jridu jidħlu huma biex jiddefendu l-wirt flok jagħmlu dan l-awtoritajiet, u qalet li xi entitajiet qed ibigħu l-istorja għal qligħ immedjat.

Hija appellat biex Għawdex ma jsirx bħal Malta fuq skala iżgħar, billi l-preservazzjoni tal-istorja hi essenzjali biex tinżamm l-identità u r-ruħ tiegħu.

Arnold Cassola sostna li l-istorja ġġib dħul ekonomiku kbir, billi semma bliet bħal Ruma u Firenze, u issuġġerixxa li x-Xagħra tista’ ssir niċċa għat-turiżmu kulturali minħabba l-konċentrazzjoni ta’ siti bħall-Ġgantija, iċ-Ċirku tax-Xagħra u Santa Verna.

Norma Camilleri enfasizzat l-importanza li nħarsu dak li ħallewlna l-antenati għall-ġenerazzjonijiet futuri, u staqsiet x’valuri qed jitwasslu lit-tfal illum.

More in Politika