Ma kinitx daqstant mistennija ċ-ċamata li qalgħet Roberta Metsola mingħand Matthew Caruana Galizia, it-tifel ta’ Daphne Caruana Galizia.
Caruana Galizia kien qed jitkellem dwar l-atteġġjament fjakk u apoloġetiku ta’ Roberta Metsola, il-President tal-Parlament Ewropew, fil-konfront ta’ dak li qed jiġri f’Gaża. Ġo Gaża qed naraw atroċitajiet kbar u barbariżmu liema bħalu. Caruana Galizia kien qed isemmi l-fatt li ġurnalisti ġo Gaża qed imutu mġewħin.
Huwa fatt magħruf li Caruana Galizia huwa jew kien viċin il-kamp ta’ Metsola. Il-fatt li tkellem b’dal-mod huwa sinifikattiv ħafna.
Huwa fatt magħruf ieħor li Metsola ilha li wriet empatija sproporzjonata għall-kawża tal-Gvern lemini ta’ Iżrael u ftit li xejn uriet solidarjetà mal-poplu Palestinjan. Ħlief forsi għal xi wiċċ teatrali solenni biex mingħaliha tagħti l-impressjoni li għandha xi għafsa ta’ qalb għall-qtil bla qies ta’ 58,000 Palestinjan.
Mhux sigriet li l-EPP hija dominata mill-partit konservattiv Ġermaniż (CDU-CSU) li għandu problema storika meta jittratta affarijiet marbutin ma’ Iżrael minħabba dak li ġara bejn l-1933 u l-1945. U Metsola tiddependi fuq l-appoġġ tal-Ġermaniżi biex tkompli tirrenja bħala l-President tal-Parlament Ewropew dominat mill-grupp politiku l-EPP.
Issa nafu kemm Metsola tikkalkula kull mossa u kull deċiżjoni politika. Inkluż il-fatt li kellha ċans tieħu r-riedni tal-Partit Nazzjonalista mingħajr xkiel, u minflok għażlet li tpappiha ġewwa Brussell.
Imma jekk l-għażliet ta’ Metsola nistgħu nifhmu minn fejn oriġinaw, id-deċiżjoni li Abela bħala Prim Ministru jibqa’ jwebbes rasu biex ma jagħrafx l-Istat ta’ Iżrael hija stramba għall-aħħar. Anzi inspjegabbli.
Malta u l-mexxejja politiċi Maltin dejjem kienu tarka għall-poplu Palestinjan. Metsola u Abela tbiegħdu minn din ir-rabta storika u ideoloġika, u din hija konferma oħra kemm verament hija nieqsa r-ruħ soċjali fid-dimensjoni politika Maltija.