Is-saga tal-Gżira Manoel
Il-ġurnal ILLUM iħares lejn ftit mill-istejjer dwar is-saga tal-Gżira Manoel u kif f’temp qasir il-mexxejja politiċi biddlu l-fehma tagħhom dwar il-futur ta’ din il-gżira ġo nofs il-Port ta’ Marsamxett

minn Ilenia Debono

Wara xahrejn ta’ kampanja minn kważi 50 entità u appoġġ minn ħafna nies, inkluż akkademiċi, politiċi u personalitajiet, il-petizzjoni sabiex il-Gżira Manoel tinbidel f’park nazzjonali għalqet b’29,041 firma.
Madanakollu, sa ġimgħa ilu, din kienet ferħa bla temma hekk kif il-Prim Ministru Robert Abela qal li ma tagħmilx sens li l-Gvern iħallas miljuni t’ewro sabiex jirrevoka l-kuntratt tal-Gżira Manoel mal-konsorzju tal-kumpaniji MIDI. Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ħa l-istess pożizzjoni t’Abela u qal li l-Gvern irid jimxi skont il-kuntratt. Imma wara rapporti ta’ dissens fuq il-Gżira Manoel minn numru ta’ personalitajiet Laburisti fosthom l-Eks Ministru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis u l-President tal-Partit Laburista Alex Sciberras, Abela f’daqqa waħda biddel fehmtu. U ftit wara, Bernard Grech għamel l-istess u biddel fehmtu dwar il-Gżira Manoel. Abela, min-naħa l-oħra, talab lil Zammit Lewis u Sciberras, żewġ avukati biex iħarsu lejn il-kuntratt oriġinali u jaraw kif jista’ jinħall minn dan il-kuntratt il-Gvern ta’ Malta. Abela għadu jinsisti li l-Gvern m’għandux jikkumpensa lil MIDI Plc mit-taxxi tal-poplu.
Min-naħa tal-PN, kien hemm bosta diriġenti tal-PN fosthom Darren Carabott li kienu ċari mill-bidu nett fl-oppożizzjoni lejn il-proġett tal-Gżira Manoel. U warajh bdew jinstemgħu ilħna oħra mill-oppożizzjoni.
Abela xamm li l-burdata nazzjonali kienet qed iddur kontra l-MIDI. It-Tlieta li għadda, wasal li jiddikjara li l-kuntratt kien attentat ċar fis-sena 2000 biex Eddie Fenech Adami jaqdi l-ħbieb. Nesa qisu li Alfred Sant dakinhar kien appoġġja l-proġett u l-Partit Laburista kien qabel mal-proġett. Abela nesa wkoll li l-moħħ wara MIDI Plc kien Bertu Mizzi li ċertament kien magħruf fil-ħajja tiegħu bħala kollaboratur tal-Perit Duminku Mintoff u kien irrispettat miż-żewġ partiti politiċi.
L-istorja tal-Gżira Manoel tibda qabel 25 sena imma wara t-tmien ta’ diskussjoni u negozjar fis-sena 2000, il-Parlament Malti qabel b’mod unanimu u ffirma konċessjoni ta’ Tigné Point u l-Gżira Manoel sas-sena 2099. L-argument tal-attivisti huwa li, fil-kuntratt, ix-xogħol irid ikun lest sa Marzu tal-2026. L-istess attivisti qed jallegaw li l-MIDI qiegħda titlob il-Gvern sabiex tingħata estensjoni.
Il-Kap Eżekuttiv tal-MIDI Mark Portelli, f’intervista mal-MaltaToday qal li oriġinarjament il-kuntratt qal sa Marzu 2023 imma l-kuntratt għandu provisti li awtomatikament jagħtihom iżjed ħin. Dawn il-provisti għandhom x’jaqsmu ma’ dewmien relatat ma’ problemi ta’ permessi, tisjib arkeoloġiku u dewmien li mhuwiex fil-kontroll tal-MIDI.
Fl-2016, il-MIDI kienet qed tipprova tbigħ il-konċessjoni tal-Gżira Manoel wara li kienet għamlet impenn li tiżviluppa l-art għal villa lussuża. Dan sar magħruf jumejn wara li attivisti ambjentali, inkluż is-Sindku tal-Gżira Conrad Borg Manche, marru jkissru l-ħadid li kien qed jagħlaq l-aċċess pubbliku għaż-żona. Huwa rrappurtat li l-bejjiegħ huwa infatti Anton Camilleri, magħruf aħjar bħala Anton il-Franċiż, li għandu proġett ieħor kbir dik ta’ Villa Rosa, fil-Bajja ta’ San Ġorġ.
Sena wara, il-konsorzju wiegħed li ħa jibni park pubbliku ta’ 80,000 metru kwadru sabiex jiġbor ġieħu man-nies. Ftit xhur wara, il-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien ħabbar li hu jixtieq jara żvilupp mill-inqas fuq il-Gżira Manoel, u iżjed spazji ħodor.
Il-MIDI daħlet fi qbil ta’ kustodja mal-Kunsill Lokali tal-Gżira li bih il-pubbliku jkollu aċċess żgurat għall-Forti Manoel u għall-madwar.
Fl-2020, l-Awtorità tal-Ippjanar irrevokat il-permess tal-MIDI hekk kif kien hemm bżonn ta’ Assessjar tal-Impatt Ambjentali (EIA) u dan tefa’ x-xogħol lura.
Fl-2019, ġiet ippreżentata petizzjoni b’6,000 firma lill-Parlament sabiex il-Gżira Manoel isir park b’binjiet kulturali. Il-petizzjoni kienet topponi l-bini ta’ 610 appartamenti u żieda fiż-żona residenzjali.
Il-gazzetta ILLUM tkellmet ma’ xi wħud involuti fil-kampanja “Manoel Island: Post Għalina” sabiex naraw xi jmiss issa.
Mark Camilleri Gambin, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Momentum li jappoġġja l-kampanja “Manoel Island: Post Għalina”, tkellem fuq il-validità tal-kuntratt. “Il-Gvern għandu jħares sew lejn il-kuntratt, fejn hemm skadenzi preċiżi. U se jsib li dawn ma ġewx onorati. Għalhekk għandu jirrinegozja t-termini tal-kuntratt.”
Hu jagħmel paralleliżmu bejn il-Gvern li qal li ħa jonfoq €700 miljun fuq spazji ħodor imma li qed jara problema sabiex jerġa’ jixtri l-art tal-Gżira Manoel lura sabiex jagħmel park nazzjonali. Hu kompla, u appella għal diskussjoni fil-parlament, anke b’turija ta’ rispett lejn id-29,000 persuna li ffirmaw il-petizzjoni.
“Huwa interessanti li xi membri parlamentari Nazzjonalisti qalulna li ma jaqblux mal-proġett. Allura, dawn kif se jivvotaw fil-Parlament? Trid tispiċċa din il-politika fejn kulħadd jibża’ mill-partit. Il-membri parlamentari għandhom dmir primarju lejn in-nies, mhux lejn il-partit,” qal Camilleri Gambin.
Camilleri Gambin qal li l-poplu Malti dejjem qed isir iżjed konxju tal-importanza tal-ambjent, u kif l-ambjent qed isir dejjem iżjed suġġett politiku. Hu maqdar iż-żewġ partiti hekk kif skontu għandhom politika tal-passat, b’ekonomija bbażata fuq il-bini bla forma t’oppożizzjoni. Hu ta’ rikonoxximent tax-xogħol inkredibbli li jagħmlu l-għaqdiet f’każijiet simili bħal dak tal-Forti Chambray u l-Forti Tigné.
Ralph Cassar, is-Segretarju Ġenerali tal-ADPD, esprima d-diżappunt li għandu rigward il-biża’. Cassar ikkritika ż-żewġ naħat tal-parlament hekk kif il-qbil kien unanimu.
“L-ebda deputat ma kellu s-sinsla dakinhar li jopponi t-trasferiment ta’ meded kbar ta’ art pubblika lill-MIDI … Alfred Sant u Evarist Bartolo ta’ xejn jiftħu ħalqhom issa wkoll, la meta kellhom aktar saħħa u influwenza politika mxew mal-kurrent, għax fl-aħħar mill-aħħar huma karriristi — ma ridux idardru l-għajn li jixorbu minnha.”
Hu qal li l-amministrazzjoni Laburista kellu ċ-ċans li jirrevoka l-kuntratt mingħajr kumpens meta ġie elett fl-2013 imma ħallew il-ħażen jirbaħ.
Cassar ħares lejn il-kampanja “Manoel Island: Post Għalina” minn lenti differenti. Hu qal li din kixfet l-iskandlu tal-koperazzjoni bejn iż-żewġ partiti l-kbar sabiex “jaġevolaw l-ispekulazzjoni u l-iżvilupp bla rażan.”
Kompla jakkuża liż-żewġ kapijiet li l-inqas li setgħu jagħmlu kienet seduta waħda parlamentari dwar il-Gżira Manoel fejn fiha jiskużaw ruħhom man-nies għall-iskandlu trasferiment ta’ art pubblika għall-ispekulazzjoni. Hu qal li b’dan l-aġir huma qed juru lin-nies li l-petizzjonijiet parlamentari ma jfissru xejn.
Is-Segretarju Ġenerali qal li, avolja qed jinfetħu spazji ħodor ġodda, dawn mhux qed ilaħħqu mal-meded kbar t’art li qed jinqerdu mill-iżvilupp mhux neċessarju. Hu kkritika n-nuqqas ta’ pjanar fit-tul u n-nuqqas ta’ speċi mkabbrin Malta stess, li riżultat ta’ dan qed tiddgħajjef il-bijodiversità lokali.


