Waqt konferenza stampa, l-partit ADPD jisħoq fuq il-bżonn li jinbidel il-mudell ekonomiku b'iżjed attenzjoni fuq il-ħaddiema u l-paga medja baxxa meta kkomparata ma' tal-UE.
Ralph Cassar, Is-Segretarju Ġenerali ta’ ADPD, qal li skont l-aħħar ċifri li ħarġu mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), il-faqar f’Malta żdied b'0.2% aktar fl-2024 meta kkumparat mas-sena 2023.
Dan kien studju b’indikaturi soċjali li juru li n-nies f'riskju ta’ faqar kif ukoll ta’ esklużjoni soċjali żdiedu b’0.1% bejn is-sena 2023 għas-sena 2024b biex issa jlaħħqu 19.7% tal-popolazzjoni. Is-setturi ta’ nies li huma fl-aktar riskju ta’ faqar huma t-tfal u l-anzjani.
"Għandna ekonomija mibnija fuq l-ispekulazzjoni tal-art, fuq industrija tat-turiżmu li fil-fatt hija wkoll spekulazzjoni tal-art, u fuq setturi oħra li jagħmlu l-profitti għax iħallsu pagi baxxi. L-hekk imsejjaħ ‘tkabbir’ qed jinħataf mill-ispekulaturi. Anke l-iskema infami tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija u Ewropea intiża fuq kollox biex tħaxxen il-bwiet tal-ispekulaturi tal-propjetà," qal Cassar.
Cassar jirreferi għall-Eurostat li sabet li l-paga minima f’Malta hi ta’ €961 fix-xahar li hija minn tal-qiegħ fl-UE, u statistika għas-sena 2023 turi li mas-16% tal-impjegati lanqas jlaħħqu l-€1000 fix-xahar.
Iċ-Chairperson tal- ADPD, Sandra Gauci qalet li dan kollu jfisser li l-ekonomija, flok tkattar il-ġid qiegħda kulma tmur tkattar il-faqar. Hi tgħid kif ma nistgħux indawru wiċċna n-naħa l-oħra u nibqgħu għaddejjin hekk, qisu mhu qed jiġri xejn. "Il-gvern għandu bzonn ta’ reality check u fl-aħħar jirrealizza li ekonomija ibbażata fuq iċ-cheap labour u l-ħolqien ta’ xogħol li jitħallas bi ftit qed joħloq ġid biss għal grupp żgħir u limitat ta’ nies. In-numri juru li qed jinħoloq faqar fost pajjiż li hu fgat bin-nies, bil-bini u bit-traffiku, u dan kollu biex igawdu l-ftit."
Hi tisħaq li hemm bżonn li l-paga minima ssir living wage li biha tkun tista’ tgħix, żidiet tal-għoli tal-ħajja kull sitt xhur u aktar xogħolijiet u taħriġ fejn wieħed jista' jiżvilupp l-kapaċitajiet tiegħu fuq il-post tax-xogħol.
"S'issa l-batut minsi. U mhux talli hekk: in-numru tal-batuti qiegħed jiżdied. Sur Prim Ministru biddel ir-rotta!" tenniet Gauci.