Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-emenda kontroversjali li se tbiddel il-proċess dwar l-inkjesti maġisterjali qiegħda parzjalment toriġina minn rakkomandazzjoni li saret mill-Kummissjoni Venezja fl-2018.
Il-Kummissjoni Venezja hija korp konsultattiv li jinkludi esperti indipendenti fil-qasam tal-liġi kostituzzjonali. Il-parti tar-rapport li rrefera għaliha Abela kienet tissuġġerixxi li l-inkjesti maġisterjali jkunu integrati f’dak li llum nafuh bħala l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali (AĠ).
“Għandu jiġi stabbilit Direttur tal-Prosekuzzjonijiet Pubbliċi (DPP) indipendenti b’sigurtà ta’ kariga, li jieħu f’idejh il-poteri ta’ prosekuzzjoni u l-persunal korrispondenti mill-Avukat Ġenerali u l-Pulizija. L-inkjesti maġisterjali għandhom ikunu assorbiti f’din il-funzjoni. Id-deċizzjonijiet ta’ dan id-DPP, b’mod partikolari dawk biex ma ssirx prosekuzzjoni, għandhom ikunu suġġetti għal rieġami ġudizzjarju," jgħid ir-rapport.
Id-DPP jirreferi għall-entità li llum hi l-AĠ, għax din l-istruttura ma kinitx tezisti meta nħareġ ir-rapport.
Din ir-riforma qanqlet kontroversja minħabba l-kuntest taz-żmien, peress li Abela nnifsu kien issuġġerixxa l-ħtieġa li jinbidel il-proċess tal-inkjesti maġisterjali wara li Jason Azzopardi kien talab għal numru ta’ investigazzjonijiet dwar ministri u uffiċjali pubbliċi. S’issa, m’hemmx informazzjoni dwar x’se tinkludi din ir-riforma.
Din il-ġimgħa, Abela qal lil MaltaToday li ma kien se jħalli lil ħadd “jattakka” lill-ministri tiegħu. Fuq ONE TV, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar “persuni innoċenti” li spiċaw b“akkużi inġusti kontrihom minħabba qafas legali difettuż.
“M’inix qed nitkellem dwar dawk li għandhom iwieġbu għal xi ħaġa. Qed nitkellem dwar il-ħafna nies innoċenti,” qal Abela, filwaqt li rrefera għal Alfred Camilleri u Joseph Rapa, li huma akkużati b’rabta mal-ftehim frawdolenti ta’ Vitals, kawża li għadha għaddejja fil-qorti.
Abela semma wkoll sentenza riċenti tal-Qorti li indikat li kellha ssir investigazzjoni dwar tnixxijiet ta’ inkjesta maġisterjali, b’mod partikolari dik tal-Pilatus Bank. Din l-inkjesta kienet ordnat azzjoni kriminali kontra individwi identifikati fl-2021.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru attakka lil Repubblika, l-NGO li kienet talbet azzjoni kriminali kontra l-uffiċjali tal-bank. Huwa ddeskriva lil Repubblika bħala “fazzjoni estremista fi ġewwa l-PN.”
Abela talab lill-Kummissarju tal-Pulizija jinvestiga kif Jason Azzopardi kiseb kopja tal-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt ta’ impjegat f’WasteServ b’mod “ilegali.”
“Huwa kruċjali li l-Kummissarju jsib minn fejn oriġinat it-tnixxija,” qal Abela. “Diġà hemm min jaf, fil-kurituri tal-Qorti u tal-politika, min hu s-sors tat-tnixxija, imma l-Kummissarju għandu l-għodda biex jistabbilixxi min hu s-sors. Nistgħu nsibu sorpriżi mhux pjaċevoli dwar min hu s-sors. Għalhekk irridu nħallu lill-istituzzjonijiet jaħdmu.”