17 Black: L-istorja kronoloġika ta’ wieħed mill-akbar skandli politiċi f’Malta
X’inhi 17 Black? Kif sirna nafu biha? Kif torbot ruħha man-negozjant Yorgen Fenech, l-Eks Chief of Staff Keith Schembri, u l-Eks Ministru Konrad Mizzi? L-ILLUM tħares lura lejn l-avvenimenti kronoloġikament, li wassluna sal-lum

minn Marianna Calleja

Il-Maġistrat Charmaine Galea temmet inkjesta kriminali u kkonkludiet li Keith Schembri u Konrad Mizzi għandhom jiġu mixlija dwar pjanijiet biex jirċievu flus mill-kumpanija 17 Black ta’ Yorgen Fenech f’Dubai.
Il-konklużjonijiet tal-inkjesta ġew ippreżentati lill-Avukat Ġenerali ftit jiem ilu, bil-maġistrat tirrakkomanda li Schembri, Mizzi u tal-inqas tliet persuni oħra jiġu mixlija. L-inkjesta tirrakkomanda wkoll azzjoni kriminali kontra diversi kumpaniji.
Imma kif wasalna s’hawn?
Ġunju, 2008

Il-Prim Ministru Joseph Muscat jiġi elett bħala mexxej tal-Partit Laburista.
Il-ħabib qrib tiegħu, Keith Schembri, jinħatar bħala ċ-chairman tal-grupp ta’ ħidma tal-Partit Laburista dwar l-enerġija.
Mejju, 2009

Ix-Shareholder ta’ Electrogas, Paul Apap Bologna, jippreżenta proposta lill-gvern tal-Partit Nazzjonalista għall-bini ġdid ta’ stazzjon tal-enerġija.
L-eks shareholders ta’ Electrogas, Gasol, jiġu msemmija fil-preżentazzjoni, flimkien ma’ investituri Maltin li jinkludu “grupp varjat ta’ ċittadini Maltin u familji tan-negozju prominenti.”
Settembru, 2012 – Jannar, 2013

Konrad Mizzi jinħatar Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Enerġija, u jgħid lill-midja li Partit Laburista fil-Gvern se jkollu politika ġdida tal-enerġija.
Sa Jannar tas-sena 2013, Mizzi jgħid li l-PL kellu rispons pożittiv għal investiment potenzjali għal proġett tal-power station. Jgħid li saru numru ta’ laqgħat ma’ investituri li wrew interess f’dan il-proġett.
9 ta’ Marzu, 2013

Il-Partit Laburista jkaxkar lill-PN f’elezzjoni storika li tarah lura fil-Gvern wara 25 sena. Ftit wara, il-konsulenti tal-OPM Nexia BT jibdew il-proċess biex jinkorporaw tliet kumpaniji fil-Panama billi jużaw is-servizzi ta’ Mossack Fonseca, il-kumpanija li kienet fil-qalba tal-leak tal-Panama Papers.
Tnejn minn dawn il-kumpaniji? Tillgate u Hearnville, waħda ta’ Keith Schembri u oħra ta’ Konrad Mizzi.
April, 2013

Appell għall-espressjonijiet ta’ interess jinħareġ mill-Enemalta. Il-partner maniġerjali ta’ Nexia BT, Brian Tonna, jiġi nnominat fil-kumitat ta’ selezzjoni ta’ Enemalta.
Ottubru, 2013

Atturi importanti bħal Shell, Gazprom, u Edison jaraw il-proposti tagħhom miċħuda, filwaqt li l-konsorzju Electrogas jiġi ddikjarat bħala l-preferut tal-Enemalta.
Il-ftehim però jiġi ffirmat sentejn wara. Il-gvern fil-fatt iffirma ftehimiet għall-akkwist tal-enerġija u l-provvista tal-gass ma’ Electrogas, f’April tal-2015.
Skont estratti mill-pjan tan-negozju li ġie llikjat u li kien għamel Nexia BT, Electrogas tkun proposta li tirċievi dħul ta’ €3.9 biljun matul perjodu ta’ 19-il sena.
Ġunju – Novembru, 2015

The Times of Malta jiżvela l-eżistenza ta’ garanzija bankarja sigrieta ta’ €88 miljun mill-gvern biex tkopri self massiv minn BOV meħud minn Electrogas.
Matul l-istess perjodu, Mizzi u Schembri jmexxu shares fil-kumpaniji tagħhom fil-Panama abbażi ta’ trusts li Nexia BT stabbilew għalihom fi New Zealand.
Fl-istess xahar, jingħata kont għal 17 Black f’Noor Bank.
Xahar wara, aġent lokali tal-LNG tanker, imexxi $200,000 għand 17 Black.
F’Novembru tal-istess sena, iċ-ċittadin Ażerbajġani Rufat Baratzada jibgħat ammont totali ta’ $1.4 miljun f’żewġ tranżazzjonijiet lil 17 Black. Investigaturi finanzjarji Amerikani jqisu dan bħala “attività suspettuża”.
Diċembru, 2015

Il-partner ta’ Nexia BT Karl Cini jibgħat email lil Mossack Fonseca li tipprovdi informazzjoni dwar it-trasferimenti li se jsiru lill-kumpaniji ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri fil-Panama.
Il-kumpanija f’Dubai 17 Black hija msemmija bħala target client tal-kumpaniji fil-Panama. Dan ifisser li se tkun sors ta’ dħul għall-kumpaniji finta offshore.
Kumpanija oħra f’Dubai msejħa Macbridge hija wkoll imsemmija bħala target client.
L-email tgħid li €150,000 se jiġu mħallsa f’pagamenti kull xahar għal kull wieħed mill-kumpaniji fil-Panama. Id-dħul totali minn 17 Black u Macbridge huwa stmat li jkun $2 miljun.
April, 2016

Wara li jiġi żvelat l-iskandlu tal-Panama Papers, Il-Prim Ministru Joseph Muscat “jirtira” lil Mizzi mill-portafolji tal-enerġija u s-saħħa, bħala risposta għall-pressjoni dejjem tikber. Minkejja li tilef il-portafoll tal-enerġija, il-Prim Ministru jżomm lil Mizzi responsabbli għas-segwitu tal-“implimentazzjoni tal-pjanijiet tal-enerġija tagħna.”
Il-Prim Ministru jgħid li l-ebda azzjoni ma ġiet imqiegħda kontra Schembri għax “mhuwiex figura politika u għandu l-fiduċja tiegħi.”
Il-Kummissarju tal-Pulizija Michael Cassar jirriżenja.
22 ta’ Frar, 2017

F’artiklu misterjuż ħafna fuq il-blogg tagħha, Daphne Caruana Galizia tippubblika l-kliem ‘17 Black Dubai’ taħt ir-ritratti ta’ Keith Schembri, John Dalli, Joseph Muscat u Konrad Mizzi. Din kienet l-ewwel darba li l-isem 17 Black ħareġ fil-pubbliku.
26 ta’ Mejju, 2017

The Malta Independent tippubblika storja fejn tgħid li investigazzjoni mill-Unit ta’ Analiżi tal-Intelliġenza Finanzjarja (FIAU) turi kif kumpanija bbażata f’Dubai, magħrufa bħala 17 Black, kienet irċeviet flus mingħand l-aġent tal-tanker tal-LNG f’Delimara.
Ir-rapport allega li 17 Black kellha tittrasferixxi l-flus lill-kontijiet ta’ żewġ kumpaniji fil-Panama li kienu mwaqqfa minn Keith Schembri u Konrad Mizzi. Ir-rapport tal-FIAU mhuwiex verżjoni finali, u l-aġenzija għadha qed taħdem fuq il-każ.
17 ta’ Ottubru, 2017

Daphne Caruana Galizia tinqatel b’bomba qawwija fil-karozza tagħha. Inqas minn xahrejn wara, tlett irġiel jiġu akkużati bil-qtil tagħha, iżda l-moħħ wara l-assassinju għadu ma nstabx.
18 t’April, 2018

The Daphne Project tiżvela li 17 Black u kumpanija oħra, Macbridge, kienu elenkati bħala target clients tal-kumpaniji fil-Panama li ġew miftuħa għal Mizzi u Schembri.
Iċ-Chief of Staff tal-Prim Ministru joħroġ stqarrija għall-istampa fejn jammetti li l-kumpanija tiegħu, Tillgate, kienet ħejjiet pjanijiet ta’ negozju ma’ 17 Black u Macbridge, iżda xejn ma ħareġ mill-ftehim. Huwa jiċħad ukoll li kellu xi għarfien dwar trasferimenti ta’ flus.
Din hija l-ewwel darba li Schembri jammetti r-rabta tiegħu ma’ 17 Black. Mizzi jibqa’ jinsisti li m’għandu l-ebda għarfien dwar 17 Black.
The Daphne Project jiżvela wkoll li l-FIAU Maltija ttraċċat żewġ pagamenti lil 17 Black li jammontaw għal total ta’ $1.6 miljun, wieħed minnhom minn kumpanija fis-Seychelles imsejħa Mayor Trans, li tappartjeni lil ċittadin mill-Ażerbajġan.
9 ta’ Novembru, 2018

Is-sit tal-aħbarijiet, Reuters, jiżvela li s-sid ta’ 17 Black huwa Yorgen Fenech, is-CEO tal-Grupp Tumas, u li l-kumpanija għandha kont f’Noor Bank.
Reuters tgħid ukoll li rapport tal-FIAU li jidentifika lil Fenech bħala s-sid ta’ 17 Black intbagħat lill-pulizija fir-rebbiegħa tal-2018 għal investigazzjoni dwar ħasil ta’ flus.
20 ta’ Novembru, 2019

Yorgen Fenech jiġi arrestat fuq il-jott tiegħu hekk kif jagħmel l-almu tiegħu biex jitlaq mill-marina ta’ Portomaso. Huwa jittieħed għall-interrogazzjoni u jiġi identifikat bħala “persuna ta’ interess” fl-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia.
26 ta’ Novembru, 2019

Konrad Mizzi u Keith Schembri jirriżenjaw mill-irwoli tagħhom. Kważi ġimgħa wara, Joseph Muscat iħabbar li hu wkoll se jirriżenja fit-12 ta’ Jannar. Fit-13 ta’ Jannar Robert Abela jinħatar Prim Ministru.
14 ta’ Diċembru, 2020

Keith Schembri jagħti xhieda quddiem l-inkjesta pubblika.
Hu jiddefendi l-irwol tiegħu fil-ħolqien ta’ network offshore, u jammetti li kellu pjanijiet ta’ negozju ma’ 17 Black, minkejja li qatt ma mmaterjalizzaw.
Hu jikkonkludi li m’hemm l-ebda rabta bejn Electrogas u 17 Black.
