'Miżura li bis-saħħa tagħha n-nisa se jiffrankaw eluf ta' ewro f'taxxi matul ħajjithom'

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, tiddeskrivi Baġit 2025 bħala wieħed mill-aktar Budgets li fih miżuri favur l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. 

Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg
Is-Segretarju Parlamentari Rebecca Buttigieg

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rebecca Buttigieg, sejħet il-Baġit 2025 bħala wieħed mill-aktar Budgets li fih miżuri favur l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali. 

F’konferenza tal-aħbarijiet, Buttigieg enfasizzat li l-Budget inkluda t-tneħħija għalkollox tat-taxxa tal-VAT minn fuq il-prodotti sanitarji kif ukoll minn fuq il-ħwejjeġ speċjali li jintużaw minn nisa li jkunu għaddew minn trattament għal kanċer tas-sider. Hija sostniet li din il-miżura hija ġusta u essenzjali għas-saħħa u l-iġjene tal-mara, peress li tnaqqas piż finanzjarju sostanzjali minn fuq in-nisa.

Is-Segretarju Parlamentari spjegat kif it-tneħħija tal-VAT fuq dawn il-prodotti tmur lil hinn minn dak li kien imwiegħed fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista, fejn kienet proposta biss tnaqqis tat-taxxa fuqhom. Issa, minflok, dawn il-prodotti se jkunu eżentati kompletament mill-VAT. 

Buttigieg kompliet tgħid li permezz ta’ din il-miżura, n-nisa huma mistennija jiffrankaw eluf ta’ ewro f’taxxi matul ħajjithom, peress li bħala medja, mara tuża madwar 20,000 prodott sanitarju fuq perjodu ta’ madwar 40 sena. Din il-miżura hija parti minn sensiela ta’ inizjattivi li l-Gvern qed jimplimenta biex jindirizza l-bżonnijiet speċifiċi tan-nisa.

Il-miżura tkompli tikkumplimenta inizjattiva oħra li bdiet bħala proġett pilota fl-iskejjel din is-sena, fejn il-Gvern qed jipprovdi mingħajr ħlas prodotti menstruwali lill-istudenti bniet. Is-Segretarju Parlamentari rreferiet ukoll għal dan bħala pass lejn ugwaljanza akbar u appoġġ għal pajjiż ta’ kwalità. Skont Buttigieg, il-Budget alloka fondi biex ikompli jwettaq miżuri li jikkontribwixxu għall-ugwaljanza, il-ġlieda kontra l-vjolenza domestika, u l-prevenzjoni tat-traffikar uman.

More in Politika