Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi nieda proġett b’investiment ta’ €10 miljun li bih se jindirizza l-pjazez fl-irħula Maltin u Għawdxin.
“Vjal Kulħadd” hija skema ġdida li Infrastructure Malta nediet għall-kunsilli lokali, biex flimkien ma’ għaqdiet nongovernattivi, iressqu proposti u ideat biex toroq u spazji pubbliċi fil-qalba tal-komunitajiet jiġu trasformati fi spazji aktar siguri, li jilħqu l-esiġenzi tal-firxa wiesgħa tan-nies, waqt li jiġu mżewqa b’aktar siġar u ambjent ħadrani.
Jindirizza l-midja nhar l-Erbgħa li għadda l-Ministru Chris Bonett qal li huwa l-obbligu tal-Gvern li jipprovdi l-aqwa infrastruttura biex il-ġenerazzjoni li jmiss tgħix f’ambjent aħjar milli sibnieh aħna.
“L-għan ta’ din l-inizjattiva huwa propju dan. Qegħdin ninvestu bil-kbir biex il-komunitajiet tagħna jkollhom l-aqwa ambjent li jinċentiva l-mixi u l-użu tar-rota fuq dak tal-karozzi. Wasal iż-żmien li nibdew innaqqsu l-użu tal-karozzi imma biex nagħmlu hekk irridu nipprovdu l-infrastruttura għaliha – u ‘Vjal Kulħadd’ se jkun qed jagħmel dan,” kompla jgħid il-Ministru.
Intant, Steve Ellul, il-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta saħaq li t-toroq m’għandhomx jipprijoritizzaw esklussivament il-karozzi biss imma t-toroq għandhom ikunu tan-nies. Żied ukoll li t-toroq għandhom ikunu moderni u kapaċi jsostnu modi ta’ trasport differenti, bħar-rota u t-trasport pubbliku, b’mod partikolari enfasizza l-aċċessibilità tat-toroq għal dawk b’moviment limitat jew jagħmlu użu minn mezzi trasportattivi li jiffaċilitawlhom ħajjithom minħabba xi kundizzjonijiet partikolari.
Kompla d-diskors tiegħu billi enfasizza l-importanza li l-pjazez tal-pajjiż jingħataw lura l-ħajja, “fejn it-tfal għandhom jerġgħu jkunu jistgħu jilagħbu fit-toroq,” qal Ellul filwaqt li rrimarka li l-ġenerazzjoni tiegħu kienet l-aħħar waħda li għamlet dan.
Bonett jiċċara li IM mhix aġenzija speċifikament għat-toroq
Iwieġeb għall-mistoqsijiet tal-midja rigward il-kwistjoni tat-tibdil tal-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta, hu stqarr li ried ibiddel in-narrattiva.
“Ridt inbiddel in-narrattiva li Infrastructure Malta hija aġenzija speċifikament għat-triq,” spjega Bonett.
Hu qal li l-assessjar tal-aġenzija hija waħda inġusta, għax l-aġenzija tkopri affarijiet li jmorru oltre mill-kunċett ta’ triq u trasport. “Dan sabiex l-aġenzija tinkludi kull tip ta’ trasport, spazji pubbliċi u aġenzija li ma tillimitax ruħha għat-toroq biss.”
Bonett ikkonkluda li “issa bdiet il-ħidma tiegħi bħala Ministru, wara li tkellimt u djalogajt ma’ kulħadd.”