'Ħalluna naħdmu!': L-IĠM tgħid li l-Gvern l-ewwel attakka l-ġudikatura u issa l-midja

Jitkellem mal-ILLUM, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin fakkar fil-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, meta qal li l-Gvern donnu 'għadu ma ħax it-tagħlima'

Hija perikoluża ħafna li ġurnalist jintuża bħala parti min-narrattiva politika, l-Istitut tal-Ġurnalisti Maltin esprima mal-gazzetta ILLUM. 

“Hija perikoluża immens li politiku jħoss li għandu jattakka l-midja, pilastru tad-demokrazija, wara li attakka wkoll il-ġudikatura, pilastru ieħor tad-demokrazija,” l-istitut kompla jgħid. 

Il-ġimgħa l-oħra, mistieden għall-programm fuq l-istazzjon tal-Knisja, l-Eks Segretarju Ġenerali tal-Partit Laburista, Chairman tal-Aġenzija Kulturali tal-Belt Valletta u issa tal-proġett tal-Park Nazzjonali Ta’ Qali, akkuża ġurnalista ta’ Newsbook li qed tikkonfoffa mal-establishment.  

Dan filwaqt li beda jxejjer ritratti ta’ kompjuter, meħuda f’nofs konferenza, b’chats ċari juru korrispondenza bejn il-ġurnalista u l-Eks MP Nazzjonalista Jason Azzopardi, il-President Onorarju ta’ Repubblika Robert Aquilina, u l-President preżenti ta’ Repubblika Alessandra De Crespo. 

Ftit jiem wara, wara rapport ta’ Newsbook – il-kamra tal-aħbarijiet li fiha taħdem il-ġurnalista – l-IĠM ikkundannat “l-attakk.”  

L-IĠM qalu li Micallef “żelaq fin-niexef” b’attakki li qed jinstigaw mibegħda fuq il-ġurnalisti ta’ pajjiżna. 

L-IĠM qalu li l-ġurnalisti qatt m’għandhom jintużaw għan-narrattiva politika u qatt m’għandhom jitpenġew bħala għedewwa tal-Istat jew tan-nies.  

“Aħna naqdu funzjoni importanti ta’ watchdog u għandna nitħallew nagħmlu dmirna mingħajr biża’ jew intimidazzjoni. Ħalluna naħdmu!” 

L-IĠM fakkar ukoll fil-mewt tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, meta qal li l-Gvern donnu għadu ma ħax it-tagħlima. 

Żied jgħid li hawn min għadu jinstiga lin-nies kontra l-ġurnalisti, “b’attakki insensati” li l-uniku skop hu li jtellef ir-reputazzjoni ta’ ġurnalisti individwali u media houses milli jagħmlu xogħol meta jistaqsu mistoqsijiet li ma jdoqqulhomx għal widnejhom. 

L-istitut qal li Malta għadha ’l boghod ħafna minn ambjent neċessarju għal ġurnalisti biex jagħmlu xogħolhom kif suppost, inkluż b’limitu totali fuq l-informazzjoni – xi ħaga bażika għax-xogħol tagħhom.  

“Meta jdaħħalna fin-narrattiva politika, il-Gvern ikun qed irewwaħ il-mibegħda lejn il-ġurnalisti li ħafna nies imbagħad jikkunsidrawha bħala xi ħaġa naturali u aċċettabbli, li qatt ma tista’ u m’għandha tkun.” 

More in Politika