Il-paroċċa ta’ San Ġorġ tingħaqad mal-għaqdiet u r-resident f’ittra lill-Prim Ministru kontra t-teħid tal-ispazju pubbliku

Il-paroċċa ta’ San Ġorġ, Għawdex, tingħaqad ma’ numru ta’ għaqdiet, każin tal-banda u resident kontra mwejjed u siġġijiet li qed jibblokkaw ‘b’mod abbużiv’  il-pjazza tar-Rabat

(Ritratti: Moviment Graffitti)
(Ritratti: Moviment Graffitti)

Il-Bażilika ta’ San Ġorġ, għaqdiet kulturali fosthom is-Soċjetà Filarmonika La Stella u l-mużew Il-Ħaġar (Fondazzjoni Belt Victoria), flimkien mal-attivisti tal-Moviment Graffitti, Għawdix, Din l-Art Ħelwa – Għawdex u Flimkien għal Ambjent Aħjar iltaqgħu fi Pjazza San Ġorġ fir-Rabat, Għawdex għal Konferenza Stampa dwar “is-serq tal-ispazju pubbliku” fi Pjazza San Ġorġ.

Preżenti għal din il-Konferenza Stampa kien hemm ukoll għadd ta’ kunsilliera li għadhom kemm ġew eletti fil-Kunsill Lokali tar-Rabat, membri tal-parroċċa ta’ San Ġorġ u residenti, li lkoll jinsabu mxebbgħin mill-mod kif l-istabbilimenti kummerċjali kkapparraw għalkollox il-pjazza.

Huma spejagaw li s-sitwazzjoni fi Pjazza San Ġorġ hija tant gravi li l-erba’ daħliet għaliha huma kollha imblokkati, u l-aċċess għall-pjazza qed isir dejjem aktar diffiċli.

(Ritratti: Moviment Graffitti)
(Ritratti: Moviment Graffitti)

Ix-xena tal-pjazza, li kienet ġiet pedonalizzata sabiex titgawda min-nies, issa hija maħnuqa bl-imwejjed, siġġijiet u tined. Dan qed iqanqal rabja fin-nies għax hija xempju ta’ kif “l-interessi kummerċjali tħallew jieħdu prijorità assoluta” fuq l-interessi tan-nies u tal-komunità.

Intant huma qalu wkoll li l-abbuż li qed “jitħalla jirrenja” fi Pjazza San Ġorġ qed jagħmilha wkoll impossibbli biex tiġijiet, funerali u attivitajiet marbuta mal-festa jkunu jistgħu jsiru.

L-Arċipriet saħaq li mhuwiex aċċettabbli li art pubblika qed titħalla tinħataf b’mod abbużiv u ċ-ċttadini jridu jiksbu permess biex għal tieġ jew funeral – u xorta waħda jkollhom jaffaċċjaw labirint ta’ mwejjed u siġġijiet dakinhar tat-tieġ jew funeral.

(Ritratti: Moviment Graffitti)
(Ritratti: Moviment Graffitti)

Is-Soċjetà Filarmonika La Stella mhux l-ewwel darba wkoll li appellat lill-awtoritajiet biex jikkontrollaw l-abbuż u jżommu l-ordni fil-pjazza sabiex il-festa tkun tista’ tiġi ċċelebrata bla xkiel, iżda l-awtoritajiet jibqgħu ma jiħdux azzjoni.

Min-naħa tagħhom il-Moviment Graffitti saħqu li dak li qed jiġri fi Pjazza San Ġorġ huwa sintomatiku tan-nuqqas totali ta’ bilanċ bejn il-kummerċ u l-poplu.

“Il-bankini, il-pjazez u t-toroq tagħna maħnuqa bl-imwejjed u s-siġġijiet saru xena komuni madwar Malta u Għawdex. F’kuntest fejn art pubblika qed tkompli tingħata lill-privat għad-detriment tal-poplu, huwa inkwetanti kif l-ispazji pubbliċi bħal pjazez, bankini, u toroq pedonali qed jispiċċaw inaċċessibbli għan-nies ukoll sabiex ikomplu jiġu sodisfatti l-interessi kummerċjali.”

(Ritratti: Moviment Graffitti)
(Ritratti: Moviment Graffitti)

Din il-konferenza stampa kienet parti minn kampanja li l-għaqdiet qed jaħdmu fuqha bl-isem “il-bankini taċ-ċittadini.” Huma jargumentaw li dan “il-kummerċ bla rażan u ħtif tal-ispazji pubbliċi,” qed jolqot ukoll lil Tas-Sliema, il-Belt Valletta, Marsaxlokk, il-Kottonera, San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa, Wied il-Għajn, u issa wkoll ir-Rabat, Għawdex.

Ir-residenti, flimkien mal-Moviment Graffitti u l-FAA, fasslu dokument b’għadd ta’ talbiet u proposti dwar dan kolli. It-talbiet intbagħtu lill-Prim Ministru u lill-Ministri responsabbli, iżda minkejja li l-Prim Ministru riċentament stqarr li din hija problema li jeħtieġ tiġi indirizzata, s’issa r-residenti għadhom qed jistennew risposta.

More in Politika