Zelenskyy jirringrazzja lil Malta għal-għajnuna li qed tagħti lill-Ukrajna

Fl-ewwel żjara tiegħu ġewwa l-Ukrajna, il-Ministru Ian Borg jiltaqa' mal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy illi saħaq li l-ħbiberija ta’ bejn il-pajjiżi qed tissaħħaħ iktar minn qatt qabel

(Ritratt: DOI)
(Ritratt: DOI)

Il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelenskyy irringrazzja lil Malta tal-għajnuna li hi tagħat lil pajjiż waqt li huwa għaddejj fi gwerra mar-Russja.

Huwa saħaq li l-ħbiberija ta’ bejn il-pajjiżi qed tissaħħaħ iktar minn qatt qabel bis-sapport attiv ta’ Malta fil-Ukraine Peace Formula.

Dan intqal lil Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg, li bħalissa qiegħed iżur l-Ukrajna bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE.

Borg kien ħabbar din iż-żjara ġimgħa ilu, fejn kien spjega li din se tkun turija ta appoġġ lejn l-Ukrajna.

“Din l-ewwel żjara tiegħi bħala Chairperson-in-Office tenfasizza l-impenn determinat tagħna li, bħala Chairperson-in-Office tal-OSCE u anke bħala Malta, il-kawża Ukrena tinżamm prijorità fuq l-aġenda internazzjonali,” qal il-Ministru Borg.

Għar-rigward tal-ħidma tal-OSCE fl-Ukrajna, il-President Zelenskyy talab l-għajnuna tas-CIO sabiex jiġu lokalizzati ċittadini detenuti ġewwa r-Russja, b’mod partikolari tfal Ukreni. 

Bħala parti minn din iż-żjara, Borg iltaqa’ ukoll mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ukren Dmytro Kuleba fejn komplew jiddiskutu aktar fid-dettal il-ħidma mwettqa permezz tal-programm tal-OSCE għall-Ukrajna u fuq liema prijoritajiet l-awtoritajiet Ukreni jixtiequ li l-uffiċjali ta dan il-programm jiffukaw aktar biex ikun ta’ assistenza akbar għall-Ukrajna anke fir-riformi li għandhom pjanati għal futur.

(Ritratt: DOI)
(Ritratt: DOI)

Akkumpanjat mill-Ambaxxatur Marcel Peško, Rappreżentant Speċjali taċ-Chairperson-in-Office fl-Ukrajna, il-Ministru Borg kellu wkoll l-opportunità li jingħata preżentazzjoni tax-xogħol li qed jagħmlu l-uffiċjali tal-OSCE fl-Ukrajna u esprima l-apprezzament tiegħu għad-dedikazzjoni ta’ dawn l-uffiċjali.

Il-Ministru Borg żar ukoll il-villaġġi Ukreni ta’ Borodyanka, Bucha u Gostomel, fejn flimkien mal-komunitajiet t’hemmhekk osserva l-effetti tal-aggressjoni Russa. 

(Ritratt: DOI)
(Ritratt: DOI)

More in Politika