Fi starrija mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Settur Marittimu u x-Xogħol, dan saħaq li, “il-Gvern rema €4,000,000 għal krejn li jaħdem b'nofs il-kapaċità li kien jaħdem qabel.”
Skontu, “wara erba’ snin mitluq u ma joperax, il-Gvern finalment iddeċieda li jsewwi l-krejn tas-silo tal-qamħ ta' Kordin b'investiment ta' 4 miljun euro minn fondi pubbliċi.”
Huwa allega li dan issa għandu kapaċità ta’ pumpja ta’ 600 tunnellata fis-siegħa ta’qamħ, nofs dik ta’ 1,200 tunnellata fis-siegħa li kien jaħdem biha qabel.
Dan apparti telf ta’ aktar minn €3 miljun fi trasbord waqt li dan ma kienx qed jopera tul dawn l-aħħar erba’ snin.
Castillo saħaq li, “il-Gvern għal darb'oħra rema u għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi ta’ miljuni.” Hu spjega kif il-fatt li dan qed jopera b’nofs il-kapaċità qedd iħalli impatt fuq il-ħaddiema tax-xatt, li jitħallsu bil-piż u mhux bis-siegħa.
Dan il-Gvern għal darb'oħra rema u għamel użu ħażin minn fondi pubbliċi ta’ miljuni. Dan ifisser li l-operazzjonijiet qed idumu d-doppju tal-ħin, b’dan qed joħloq kaos u telf kbir ta’ flus għall-ħaddiema tax-xatt li jitħallsu bit-tunnellata u mhux bil-ġurnata.
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni kompla jgħid kif dan qed ikolli impatt negattiv fuq l-attrazzjoni ta’ Malta fit-trasbord taċ-ċereali, minħabba li issa l-operazzjonijiet fuq il-bastimenti qed idumu d-doppju tal-ħin għaddejjin.
Huwa temm billi tenna li, “dan huwa Gvern f’paniku li ma jafx x’qed jagħmel, li jarmi flus pubbliċi b’mod irresponsabbli.”