Il-grupp Rota bi kritika lejn id-disinn tal-proġett tal-qala tal-Imsida

“It-toroq għandhom jiġu pjanati b’mod inklussiv li jaħseb f’kull individwu li jagħmel użu minnhom,” jgħidu.

Il-grupp Rota ħareġ bi kritika lejn id-disinn tal-proġett tal-qala tal-Imsida li tħabbar il-Ġimgħa 18 t’Awwissu. Huwa għamlu talba sabiex il-proġetti infrastrutturali tat-toroq sabiex jindirizzaw il-problemi tat-traffiku isiru b’mod aktar inklussiv u sostenibbli.

Huma jgħidu li wara li kkonkludew analiżi fil-fond, jinnotaw li saru sforzi sabiex jittejjeb id-disinn oriġinali, wara numru ta’ laqgħat ma’ Infrastucture Malta. Madankollu, għadhom imħassbin mill-fatt li hemm numru ta’ nuqqasijiet li ma ġewx indirizzati fejn jidħlu ċ-ċiklisti.

 L-ewwel punt tagħhom huwa li m’hemm l-ebda konnessjoni diretta minn Tal-Pietà għal Birkirkara, u b’hekk tnaqqas il-konvenjenza u s-sigurtà għaċ-ċiklisti li jivjaġġaw bir-roti fuq dik ir-rota. L-anqas m’hemm konnessjoni diretta għaċ-ċiklisti fit-telgħa li tagħti għall-Università, u l-kostruzzjoni ta’ flyover ġdida fiż-żona kapaċi tkomli tnaqqas l-aċċessibbiltà.

L-istess problema hija preżenti fid-direzzjoni lejn il-Belt Valletta, hekk kif iċ-ċiklisti jaffaċċjaw nuqqas ta’ konnessjonijiet diretti, kif ukoll kisriet perikolużi. Skont Rota, dan juri li ħtieġa li jsir pont għaċ-ċiklisti fiż-żona.

Huma ilmentaw ukoll li l-positijiet minn fejn jaqsmu r-roti m’humiex ċari, partikolarment fir-rotta li tagħti mill-Junior College, hekk kif ir-roti se jkollhom isuqu kontra t-traffiku sabiex jaċċessawhom.

Barra minn hekk, saħqu li m’humiex konvinti mill-istqarrija li l-bini ta’ flyover se jnaqqas it-tniġġis fiż-żona. “L-aktar mod effettiv ta’ kif wieħed inaqqas it-tniġġis miċ-ċentri tal-villaġġi huwa billi wieħed inaqqas it-traffiku f’dawn iż-żoni, u mhux iżidu permezz ta’ flyover.”

Rota enfasiżżaw it-twemmin tagħhom li t-toroq għandhom jiġu pjanati b’mod inklussiv li jaħseb f’kull individwu li jagħmel użu minnhom. Huma jiġġieldu għal soluzzjonijiet għat-traffiku sostenibbli li jagħtu priorità lis-sigurtà u l-konvinjenza taċ-ċiklisti kif ukoll ta’ dawk li jkunu mexjin. Għalihom, huwa essenzjali li wieħed ikollu għazla ta’ metodi ta’ trasport minn fejn jista’ jagħżel, mingħajr kompromessi. “Proġett li se jiswa €18-il miljun għandu jakkomoda lil kulħadd. Il-proġett tal-karreġġjati għar-roti, li se jiswa’ €35 miljun se jkun effettiv skont l-agħar biċċa tiegħu.”

Filwaqt li Rota wrew l-apprezzament tagħhom lejn il-fatt li Infrastructure Malta qed jisimgħuhom, saħqu li d-disinn attwali m’huhiex attrazzat għaċ-ċiklisti daqs kemm għandu jkun. Komplew b’appell lill-awtorità sabiex tagħti priorità sabiex it-toroq ikunu jakkomodaw lil kulħadd, kif ukoll jippromovu metodi ta’ trasport sostenibbli.

More in Politika