Il-Gvern mingħajr regolamenti ġodda għaż-żoos u sieket dwar l-ammont ta’ annimali eżotiċi f’pajjiżna

Wara stennija ta’ aktar minn sentejn il-Ministeru għad-Drittijiet tal-Annimali għadu ma ppubblikax ir-regolamenti li kienu mħabbra fl-2020 dwar l-annimali li jinżammu f’zoos. Dan filwaqt li l-istess Ministeru baqa’ sieket meta mistoqsi minn din il-gazzetta dwar xi speċi ta’ annimali eżotiċi qed jgħixu f’pajjiżna, hekk kif bosta attivisti huma mħassba dwar il-perikli li jġibu magħhom dawn l-annimali  

L-attivisti li jaħdmu favur id-drittijiet tal-annimali għadhom f’limbu dwar l-istat ta’ annimali f’pajjiżna li jinżammu f’zoos, hekk kif wara aktar minn sentejn, il-Gvern għadu ma ippubblikax regolamenti f’dan is-settur li kienu mwiegħda.  

Dawn ir-regolamenti jmorru lura għal Novembru tal-2020, hekk kif il-Gvern kien ippubblika regolamenti għal konsultazzjoni pubblika maħsuba biex jintroduċu aktar sigurtà b’risq il-ħarsien tal-annimali fiż-zoos. 

Fost l-oħrajn, kien ġie propost li l-viżitaturi ma jibqgħux jitħallew imissu l-annimali, kif ukoll li l-annimali kollha jkollhom ċippa, u li wieħed ma jkunx jista’ jgħammar dawn l-annimali, sakemm mhux għal raġunijiet speċifiċi fosthom il-konservazzjoni tar-razza tal-annimali.  

Dawn ir-regolamenti, li kienu se jaraw li l-annimali jinżammu b’mod aktar dinjituż, ma niżlux tajjeb ma’ kulħadd, hekk kif ċertu Anton Cutajar, is-sid taż-zoo L-Arka Ta’ Noe li kien inbena b’mod illegali, ikkritika l-proposta li viżitaturi ma jitħallewx imissu l-annimali f’dawn l-istabbilimenti. Huwa kellu kliem iebes għal numru ta’ proposti oħra, hekk kif kien stqarr li r-regolamenti kienu parti minn aġenda kontrih. 

B’rispons għal dan, il-Gvern kien neħħa l-proposta li tindirizza l-viżitaturi li jmissu l-annimali mil-lista tal-proposti, sakemm dan isir taħt is-superviżjoni ta’ vet fi ħdan iż-zoo. 

Dan l-aħħar żvilupp kien seħħ fl-2020 u minn dakinhar ma nħarġu ebda żviluppi speċifiċi dwar ir-regolamenti. F’Ġunju tal-2022, is-Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Annimali, Alicia Bugeja Said, kienet tkellmet fil-Parlament, fejn dak iż-żmien stqarret li l-proposta finali kienet se tiġi preżentata “fil-ġimgħat li ġejjin.” 

Minkejja dan, wara ftit aktar minn sena, xorta għad m’hemmx ħjiel ta’ meta dawn ir-regolamenti se jinħarġu u jiddaħħlu fis-seħħ. Dan hekk kif f’Ġunju ta’ din is-sena, meta mistoqsi mill-midja, il-Ministru għad-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo baqa’ ma ta ebda indikazzjoni ta’ meta dawn ir-regolamenti se jiġu introdotti. Apparti minn hekk, fl-istess jum, is-Segretarju Parlamentari Bugeja Said qalet biss li l-Gvern “qed jaħdem biex jimplimenta din il-liġi fiż-żmien li ġej.” 

‘Min-natura tagħhom stess, dawn l-annimali huma selvaġġi u potenzjalment perikolużi 

Apparti l-annimali li jgħixu fiż-zoos, f’Malta hawn ukoll numru ta’ annimali oħra li jgħixu f’kundizzjonijiet mhux ideali għalihom. Dan hekk kif skont informazzjoni li nħarġet mill-Parlament, f’Malta hawn mal-208 annimal eżotiku irreġistrati. 

Dan wara mistoqsija Parlamentari mill-Kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Ħarsien tal-Annimali, Janice Chetcuti lill-Ministru Anton Refalo.  

Refalo qal li 154 annimal eżotiku jinsabu ġewwa stabbilimenti żooloġiċi liċenzjati, filwaqt li 54 annimal eżotiku qed jinżamm “ġewwa siti approvati biex jinżammu annimali perikolużi.” Dawn l-annimali, xi drabi jsibu ruħhom anke fuq l-aħbarjiet. Fost l-oħrajn, fl-2019 kien qed jiċċirkola filmat ta’ puma fuq il-bejt ta’ dar fil-Fgura.  

Dwar dan, il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-għaqda Animal Guardians Malta għar-reazzjoni tagħha dwar dan in-numru ta’ annimali li l-abitatt tagħhom huwa l-bogħod minn Malta. 

Hawn, ġie spjegat li ħafna drabi, n-nies li jixtru dawn it-tip ta’ annimali jixtruhom meta jkunu biss frieħ, iżda jagħtu ftit ħsieb għall-eventwalità li dawn il-frieħ se jikbru. 

Ma’ din il-gazzetta, Karmen Coleiro, il-fondatriċi ta’ din l-għaqda, spjegat kif fost l-oħrajn, “min jixtri tigra jew iljun meta jkunu qtates ma jkollhomx il-previżjoni biex jaraw li f’erba’ snin dik il-qattusa se tkun tiżen 500 libbra u minflok żewġ fliexken halib, se jkollha bżonn 30 sa 50 kilo laħam f'ġurnata.”  

Coleiro nnutat li llum il-ġurnata, din is-sitwazzjoni saret waħda “bla rażan,” hekk kif stqarret li hemm bżonn bidla fil-liġijiet sabiex jiddaħħlu aktar restrizzjonijiet għal min irabbi dawn l-annimali, speċjalment fid-djar. 

“Min-natura tagħhom stess, dawn l-annimali huma selvaġġi u potenzjalment perikolużi u, bħala tali, ma jaġġustawx tajjeb għal ambjent magħluq,” tispjega Coleiro. 

Hija għalqet b’appell għall-azzjoni qabel issir xi traġedja minħabba ż-żamma ta’ dawn l-annimali li posthom huwa fis-selvaġġ. 

Min-naħa l-oħra, din il-gazzetta għamlet kuntatt mal-Ministeru għall-Ħarsien tal-Annimali lura f’Mejju, sabiex tingħata aktar informazzjoni dwar x’tip ta’ annimali eżotiċi jinsabu f’pajjiżna skont ir-razza. Minkejja dan, il-Ministeru baqa’ sieket u ma ta ebda risposta. 

More in Politika