L-‘evidenza’ ta’ Stivala li wħud mill-e-NGO’s huma fl-istess but tan-negozjanti tmur quddiem il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji

Michael Stivala  allega li wħud mill-eNGO’s jaċċettaw flus min-negozjanti biex imexxu kampanji u jiftħu każijiet fil-Qorti biex jagħmlu l-ħsara lill-kompetituri tagħhom

Michael Stivala
Michael Stivala

Il-Kummissarju tal-Għaqdiet Volontarji, Jesmond Saliba, qed jara u jinvestiga l-informazzjoni u l-‘evidenza’ ppreżentata lilu mill-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi ta’ Malta, Michael Stivala, li allega li wħud mill-eNGO’s jaċċettaw flus min-negozjanti biex imexxu kampanji u jiftħu każijiet fil-Qorti biex jagħmlu l-ħsara lill-kompetituri tagħhom.

Fi stqarrija konġunta mal-Kummissarju, Stivala wera l-fiduċja sħiħa tiegħu fl-intenzjonijiet tal-istass Kummissarju.
“Għandi fiduċja sħiħa li fl-irwol tiegħek ta’ Kummissarju tas-Settur Volontarju, għanek il-poteri neċessarji biex tinvestiga l-allegazzjonijiet li għamilt, u li fejn dawn l-allegazzjonijiet se jaffettwaw il-kredibbiltà tas-settur, se tkun qed tieħu l-azzjoni meħtieġa,” qal Stivala.

B’reazzjoni għal dan, The Ramblers Association, Flimkien għal Ambjent Aħjar, Birdlife Malta, Friends of the Earth, Nature Trust, Din l-Art Ħelwa u l-Moviment Graffitti, ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet ta’ Stivala.

Saliba ta 48 siegħa biex Stivala jissostanzja dawn l-allegazzjonijiet.

Stivala qal li min-naħa tiegħu se jkun qed jgħaddi l-informazzjoni kollha lill-Kummissarju b’mod kunfidenzjali biex ikun jista’ jinvestiga. Hu qal li jinsab ċert li r-riżultat ta’ din l-investigazzjoni, li se jkun wieħed finali, se jkun qed jindirizza diversi kwistjonijiet.

Stivala qal li jinsab lest biex jikkopera fuq każijiet oħra li waslu għand il-Kummissarju fl-aħħar ġranet u li dwarhom hemm l-evidenza. Hu qal li l-kummenti li għamel kienu speċifikament marbuta mal-każijiet li preżenta u li dawn kienu dwar uħud mill-E-NGOs u mhux mal-1,800 organizazzjoni volontarja li għandna f’pajjiżna, kif xi wħud pruvaw jinterpretaw.

Michael Stivala qal li mhux se jkun qed jagħti aktar kummenti fuq is-suġġett qabel ma titlesta l-investigazzjoni. Stivala qal ukoll li f’kull intervista li se jkun qed jagħti fir-rwol tiegħu ta’ President tal-MDA mhux se jkun qed jitkellem dwar dak li hu relatat ma’ dan il-każ.

Jesmond Saliba
Jesmond Saliba

More in Politika