“Jekk nibżgħu niddefendu lil ħajja allura x’lesti li niddefendu? Ikun żball kbir jekk ikun hemm min jagħlaq ħalqu għax jibża’ jiġġieled.” Hekk qal il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’laqgħa pubblika li sejjaħ bħala diskussjoni bit-tema 'iva, favur il-ħajja.'
Dan qalu fid-dawl tal-emenda imressqa mill-Gvern li permezz tagħha tipproteġi lill-ommijiet u lit-tobba li jitterminaw it-tqala f'każijiet ta' kumplikazzjonijiet serji fit-tqala.
Grech żied jgħid li din il-laqgħa kienet konferma li l-ġlieda favur il-ħajja m'għandhiex kuluri, età, orjentazzjoni jew klassi soċjali għax dik it-tarbija li qiegħda fil-ġuf tal-omm "hija ħajja bħal kull ħajja oħra li kellha ssir u titwieled. Għalhekk huwa importanti li nifhmu li din mhix ġlieda tal-Partit Nazzjonalista biss iżda tal-poplu Malti u Għawdxi kollu."
Grech appella biex din l-emenda ma tiġix ippolitiċizzata. Stqarr ma' dawk preżenti fil-Floriana, li l-Gvern ma kellux mandat elettorali li jdaħħal din l-emenda u li filwaqt li qabel l-elezzjoni ġenerali l-Partit Laburista tenna li huwa favur il-ħajja, "illum għandna sitwazzjoni li l-uniku partit favur il-ħajja huwa l-PN. Madankollu ma humiex biss in-nazzjonalisti li huma favur il-ħajja."
Jgħid x'jgħid il-Prim Ministru, ibiddlu kemm ibiddlu d-diskors, dan huwa abort u ma hemm ebda kelma oħra li tiddeskriviha ħlief li dan huwa qtil tal-innoċenti fil-ġuf.
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
F’indirizz lill-pubbliku illi kienu qed isegwu mid-dar huwa qal li, “din hija l-ġlieda tiegħek u mhux ġlieda politika jew ta’ partit. Din hija ġlieda ta’ poplu li għandu jkun lest jiġġieled l-aktar vulnerabbli, lil dawk m’għandhomx isem, lil dawk li għad m'għandhomx ħajja jekk ma tkunx int li tingħaqad ħalli ssaħħaħ il-possibilità tagħhom li jitwieldu.”
Għal darba darbtejn huwa appella li mhuwiex xogħol il-mara li tieħu ħsieb lil uliedha iżda xogħol il-ġenituri, b'mod ugwali. Fil-fatt Grech għamel aċċenn għat-trobbija tiegħu filwaqt li sellem il-memorja ta’ ommu Frida li ħalliet din id-dinja kmieni din il-ġimgħa, filwaqt li ikkomwova ruħu. “Ma nistħix ngħid li ommi għallmitni nagħmel kollox u dejjem qaltli biex inħobb lill-mara, mhux lil marti biss, iżda lil mara bħala persuna.”
Grech temm jgħid li,"dan huwa l-mument li nitkellmu u li nkunu forza, mhux politika iżda magħquda, ta’ nies ġenwini favur id-drittijiet tal-bniedem.”
Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm l-eks xandar u attivist Peppi Azzopardi, fost oħrajn. Azzopardi saħaq li “l-Gvern jibqa’ jinsisti li se jdaħħal din l-emenda, li biha se jkun qed iddaħħal l-abort, biex ebda mara jew tabib ma jispiċċaw il-ħabs. Kif tista’ temmen li l-Gvern qed jinkwieta li mara tispiċċa l-ħabs meta sa sena ilu, il-ħabs kien immexxi bl-aktar mod faxxist u kien jitratta lin-nisa ta’ żibel?”