Trasport pubbliku b'xejn : 50% żieda fil-passiġġieri bit-Tallinja card

Fil-ġimgħat li ġejjin se jibdew jintużaw aktar vetturi elettriċi għat-trasport pubbliku  

Malta Public Transport (MPT) rat 49.6 miljun passiġġier fl-2022, żieda totali ta' 40% meta mqabbel mal-2021. Apparti minn hekk bl-introduzzjoni ta' trasport pubbliku b'xejn, f'Ottubru li għadda, il-kumpanija irreġistrat 50% aktar - fi żmien sena - f'passiġġiera li jagħmlu użu mill-Tallinja card.

Apparti minn hekk kien hemm żieda ta' 8% meta mqabbel ma' passiġġiera li kienu jagħmlu użu mill-card fl-2019. MPT saħqet li dan huwa sinjal ċar li l-inizjattiva għal trasport pubbliku b'xejn qed taħdem biex tħajjar in-nies jagħmlu użu minnu. 

"Sodisfatti li rnexxielna naslu għal dan l-istadju importanti u li qbiżna r-rekord tal-2019. Iż-żieda fin-numri ta' passiġġiera fl-aħħar xhur huma inkoraġġanti u huwa sinjal ċar ta' domanda akbar għat-trasport pubbliku," qal il-maniġer tal-MPT. 

Apparti minn hekk, għall-ewwel darba n-numru ta' passiġġiera li għamlu użu mit-trasport pubbliku f'Diċembru 2022 qabżu dawk ta' qabel il-pandemija. Din iż-żieda ġiet riflessa wkoll Lejlet l-Ewwel Jum tas-Sena hekk kif in-numru ta' passiġġiera rdoppja mis-servizz provdut filgħaxija tal-2019. 

Malta Public Transport se tkun qed tinvesti fi flotta ta' 25 vettura elettrika addizzjonali u se tkun qed tibda tintuża fil-ġimgħat li ġejjin. 

More in Politika