Malta qed taqla' t-tifħir għall-irwol tagħha bħala membru mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda li se tkun qed tassumi fiż-żmien li ġej. Is-sit euronews jirrapporta kif Malta - l-iżgħar stat fl-Unjoni Ewropea - mhux qed jibża' mill-biċċa xogħol li hemm quddiemu f'dan l-irwol u jikkwota lill-espert tal-Ġnus Magħquda Richard Gowan jgħid illi l-Maltin "għandhom tim tajjeb fi New York". Huwa qal li fil-fatt Malta żiedet in-numru ta' diplomatiċi li qed jaħdmu fi New York u investiet f'taħriġ matul is-snin sabiex l-uffiċjali jkunu preparati għall-isfidi li qed jistennewhom. Jirrimarka kif bħala turija ta' kemm l-imsieħba Mediterranji huma importanti għal Malta, it-tim Malti ssekonda diplomatiku Grieg.
"Li tkun stat żgħir fil-Ġnus Magħquda fiha l-vantaġġi u l-iżvantaġġi. Malta tista' ġġib l-appoġġ ta' gżejjer fil-Karibew u l-Paċifiku sabiex jappoġġjaw kwistjonijiet bħall-implikazzjonijiet ta' sigurtà marbutin mal-bidla fil-klima," qal Gowan mal-istess sit tal-aħbarijiet.
Dwar l-Ukrajna Gowan qal li Malta se jkollha l-istess pożizzjoni ta' Franza, ir-Renju Unit u l-Istati Uniti, filwaqt li qal illi postna f'dan il-Kunsill jaf ifisser ukoll li pajjiżna jmexxi 'l quddiem tentattivi ta' paċi fil-Libja.
Huwa temm ifaħħar stati żgħar bħal Malta li qal illi ħafna drabi jkollhom ambaxxaturi li huma pjuttost flessibbli u kreattivi għax ma jkollhomx għalfejn iħabbtu wiċċhom ma' burokrazija kbira lura f'pajjiżhom.
Intant mill-Ministeru tal-Affarijiet Barranin tkellem mas-sit euronews Rodrick Zerafa, li qal illi Malta tirrikonoxxi l-bżonn ta' ħidma kollettiva għall-paċi u s-sigurtà.
"Aħna determinati li nilgħabu l-parti tagħna billi nissottolineaw l-pożizzjonijiet komuni tal-Unjoni Ewropea u tal-politika barranija, fejn din hija possibbli," temm jgħid Zerafa.
Malta mistennija timbotta 'l quddiem kwistjonijiet ta' tfal f'kunflitti armati, il-promozzjoni tad-dritt tal-edukazzjoni fost in-nisa u aktar għarfien dwar il-livelli jiżdiedu tal-baħar li qed jheddu żoniqu kostali u pajjiżi bħal Malta.