Mill-akbar rebħa sal-akbar żieda fl-inflazzjoni. Kif l-2022 tbissmet imma tat erba' daqqiet ta' ponn lil Robert Abela

Sena suċċessi, sfidi u pressjoni għal Robert Abela, hekk kif kiseb distakk ta' kważi 40,000 vot, u allura kiseb rebħa akbar minn ta' Muscat, imma mbagħad iffaċċja kullana sfidi mhux l-inqas il-gwerra li wasslet biex il-prezzijiet tal-ikel jisplodu... 

Minkejja li Robert Abela għandu sellum u allura tela' matul l-2022 - din is-sena xorta kienet għalih waħda ħelwa, imma fl-istess ħin morra. Ħelwa għax tagħtu l-akbar rebħa elettorali mill-1964 - meta Malta saret indipendenti - pero' xi ftit morra wkoll għax offriet għażla mhux żgħira ta' sfidi kbar, kemm politiċi u anke ekonomiċi.  

Abela beda s-sena jħalli pajjiż jipprova jaqta' meta eżatt ġejja l-elezzjoni, filwaqt li hu baqa' jżomm id-data għalih - xi ħaġa li fil-fatt urietna x'tip ta' mexxej u politiku hu. Abela wera' li huwa politiku stuż li jitfa' l-lixka, jħalli lill-Oppożizzjoni temminha, lill-midja tiddiskutiha imma mbagħad jieħu d-deċiżjoni li taqbel l-aktar għalih u elettoralment, għall-Partit Laburista.  

Wara ħafna stennija, minn dik li kien ser isejjaħha wara l-baġit u allura l-baġit ma jkunx approvat, sal-istennija fl-Imqabba nhar il-Ħadd 6 ta' Frar - kien f'attività fuq il-Fosos tal-Furjana nhar l-20 ta' Frar li Abela ħabbar elezzjoni għas-26 ta' Marzu.  

Kampanja qawwija - rebħa kbira! 

Kif kien għamel diġà fl-2013 u fl-2017 u minkejja li kienu diġà għaddew disa' snin ta' Gvern Laburista, il-PL kellu kampanja qawwija u effettiva marbuta mal-persuna ta' Robert Abela u l-familja tiegħu - mibni fuq il-fatt li Abela kien (u għadu) ħafna aktar popolari minn Bernard Grech u iktar popolari mill-Partit Laburista stess.  

Il-messaġġ elettorali "Malta Flimkien", il-mod kif kienet organizzata l-kampanja, il-kuluri, id-diskorsi ta' Abela u anke l-ħeġġa tal-partitarji Laburisti, li kuntrarjament għal dawk tal-PN, attendew l-attivitajiet ħafna aktar bi ħġarhom, għamlu dik Laburista, kampanja oħra minn kullana ta' kampanji Laburisti ta' suċċess.  

U r-riżultat wera', hekk kif Abela rnexxielu litteralment ikaxkar lill-avversarji b'rebħa li kienet saħansitra akbar minn kull waħda oħra li kien kiseb Joseph Muscat. B'distakk ta' 39,500 vot - anke jekk b'ħafna telefonati u tqanżih f'jum il-votazzjoni - Abela kien laħaq iż-żewġ għanijiet tiegħu: 1) Li jikseb mandat ċar u inekwivoku li allura jagħtih l-imbuttatura biex iwettaq it-tmexxija tal-pajjiż fl-istil tiegħu u bin-nies li jrid hu, skont il-viżjoni tiegħu. U 2) Li jkun kiseb rebħa ikbar mill-predeċessur tiegħu biex ma jibqax taħt id-dell prattikament perpetwu tiegħu. B'hekk hu jkun kiseb maġġoranza li tissupera kull maġġoranza oħra li qatt kiseb il-Labour u allura l-pożizzjoni tiegħu fit-tmexxija tkun imsaħħa u 'l bogħod minn kwalunkwe sfida jew theddida interna. 

Għalhekk u min dan il-lat is-sena, għal Abela, kienet waħda eċċelenti li tagħtu s-saħħa u l-mandat li kellu bżonn, qalgħatu minn taħt dell Muscat u li tefgħet lill-avversarji tiegħu f'apatija li bħalissa u sa issa tidher eterna. 

Sfida 1: Pressjoni qawwija wara t-tfittxija fid-dar ta' Muscat 

Imma l-2022, bħat-tnejn ta' qabilha, tat lil Abela xi ftit uġigħ ta' ras mhux ħażin. 

Prinċipalment kellu tliet sfidi li kien, u f'xi każi għadu, jiffaċċja. 

L-ewwelnett is-sena bdiet bi sfida politika li kienet ġejja minn Burmarrad. Il-Pulizija jagħmlu tfittxija fid-dar ta' Muscat b'rabta ma' kummissjonijiet li ħa mingħand kumpanija li kienet marbuta mal-VGH u ma' Steward Healthcare. Muscat taha għall-midja soċjali biex jgħid li dan kien teatrin u li fittxu saħansitra fil-basktijiet tal-iskola ta' uliedu u implika li kien hemm min qed jipprova jagħmel eżempju bih. Dawn l-istqarrijiet ħallew il-bieb miftuħ beraħ għall-interpretazzjoni fost ħafna mill-għeruq b'ħafna rrabjati għal kif "kien trattat Muscat" u oħrajn kważi jippuntaw subgħajhom lejn it-tmexxija tal-PL u kif din kienet "abbandunat lil Muscat." 

Kellhomx raġun jew le dawk li bdew jgħidu dan - u fir-realtà ma kellhomx għax Prim Ministru ma jista' qatt u qatt jindaħal fid-deċiżjoni ta' jekk Maġistrat tibgħatx il-Pulizija jagħmlu tfittxija, bħala parti minn inkjesta - dan poġġa ħafna pressjoni fuq Abela. L-ewwelnett għax saħħaħ in-narrattiva, ġejja mill-PN, li Abela "jibża'" minn Muscat u ried li jimminah, ħalli hu jidher aħjar. It-tieninett għax saħħaħ ukoll in-narrattiva li Abela "ma jiddefendix lil Muscat." U finalment għax poġġiet pressjoni fuq il-PM u Mexxej Laburista hekk kif wieħed ma setax jgħid jittiħdux passi oħrajn kontra Muscat li jkomplu jżidu l-pressjoni fuqu biex jiddeċiedi: Jew jiddefendi lil Muscat u jaqla' baraxx kritika minn bosta li jħossu illi Muscat (jew dawk ta' madwaru) żbaljaw bil-kbir u fl-istess waqt jidher dgħajjef quddiem il-predeċeussur tiegħu. Jew inkella jikkritika lil Muscat u jaqla' baraxx mil-Laburisti u joħloq firda fil-PL lejliet elezzjoni. Jew inkella - it-tielet għażla - joqgħod gallarija u jaqla' baraxx mingħand kulħadd.  

Mhux ta' b'xejn allura, kif qalu sorsi lill-gazzetta ILLUM li ħafna Ministri u nies fil-PL bdew iħeġġu lil Abela biex imur għall-elezzjoni.  

Sfida 2: L-għoli tal-ħajja  

Dik ta' Muscat ġiet u marret u bir-riżultat tal-elezzjoni saret - skont il-metriku politiku - passat remot. Imma wara li d-daqq tal-ħornijiet majna u l-carcades spiċċaw, Abela sab ma' wiċċu kriżi li kienet mbuttata prinċipalment mill-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja. Lilhinn mis-sanzjonijiet u kritika li kellu illi dam ma waqqaf il-bejgħ tal-passaporti lil ċittadini Russi, Abela kien iffaċċjat minn prezzijiet dejjem jogħlew tal-ikel li waslu għall-ogħla rata ta' inflazzjoni f'20 sena - grazzi għas-sanzjonijiet kontra r-Russja imma anke l-fatt li l-importazzjoni mill-Ukrajna  - speċjalment ta' żejt, qmuħ u aktar - kienet wieqfa. Naturalment iż-żieda fil-prezzjiet tal-ikel u l-hype dwar l-għoli tal-ħajja wassal biex jiżdiedu l-prezzijiet ta' kollox, prattikament - Anke servizzi mhux relatati ma' ikel. 

Din kienet problema li bdiet tolqot il-but u kif nafu l-but jiddetermina ħafna affarijiet: Mill-ekonomija u l-konsum sal-voti.  

Lejn l-aħħar tas-sena il-Gvern ressaq baġit li xi ftit jew wisq naqqas minn dawn il-pressjonijiet inflazzjonarji, b'diversi miżuri li kienu milqugħin pożittivament mis-soċjetà ċivili u COLA li kienet l-ogħla minn kemm ilha tingħata (€9.90 fil-ġimgħa) - riflessjoni tal-inflazzjoni għolja.  

Din il-problema iżda għadha preżenti, bil-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja ma turi ebda sinjali ta' waqfien, bl-inflazzjoni allura (kif previst) tibqa' tippersisti din is-sena.  

Sfida 3: Emenda Abort 

U finalment l-aħħar sfida - jekk tista' sejħilha hekk - kienet waħda li l-Gvern ta' Abela stess ħoloq għalih innifsu u li tittratta l-emenda dwar abort f'każ fejn saħħet jew ħajjet il-mara tkun f'perikli gravi.  

Lilhinn mill-argumenti favur jew kontra - li din il-gazzetta mhux se tidħol fihom hawn għaliex dan mhux l-għan ta' din l-analiżi, huwa ċar li Abela ssottovaluta bil-kbir s-sentiment fost firxa kbira tal-poplu, inkluż fost ħafna Laburisti, dwar is-suġġett. Issottovaluta wkoll kemm l-avversarju tal-Partit Laburista fi kwistjonijiet bħal dawn - jiġifieri l-Knisja u l-għaqdiet kollha tagħha u l-elementi aktar "antiki" pero' aktar esperjenzati fil-PN -  kellhom narrattiva ħafna iktar effettiva li fil-fatt ħadet ħafna iktar is-soppravvent minn dik tal-Gvern. Kienet narrattiva anti-abort, narrattiva li tuża l-emozzjoni tan-nies u waħda li - tajjeb jew ħażin - kellha saħansitra element xenofobiku li niżlet tajjeb ma' ħafna ("jiġifieri daħħalna l-abort minħabba barranija!"). Dan filwaqt li l-messaġġ tal-Gvern baqa' wieħed mħawwad, bejn "dan mhux abort..." u "għax il-PN dejjem kontra drittijiet ċivili".  

Il-Gvern u l-Partit Laburista, magħrufin ħafna għall-abbilitajiet ta' eżerċizzji ta' PR ta' professjonalità setgħu jevitaw ħafna mill-kritika u l-miżinformazzjoni, kieku din l-emenda stenniet ftit u qabel kien hemm kampanji u messaġġi ta' informazzjoni, b'Abela nnifsu jkun fuq quddiem mill-ewwel u jaċċerta li n-narrattiva tal-Gvern tkun dik li tingħata l-vantaġġ, qabel l-miżinformazzjoni, l-għajjat u l-eseġerazzjonijiet li Abela nnifsu kien jaf li xorta kienu se jinħolqu fuq is-suġġett! 

Jibqa' popolari... 

Kien hemm u għad hemm sfidi oħrajn, bħall-Air Malta li għadha qed tistenna bħal mannara li se taqa' fuq ras il-Gvern u l-ħaddiema. U magħha sfidi oħrajn li issa jidhru illi huma perpetwi f'dan in-nazzjon ċkejken: Jiġifieri l-ambjent flimkien mal-problemi li ġġib magħha l-kostruzzjoni kif ukoll in-nepotiżmu.  

Kollox ma' kollox iżda u minkejja l-apatija li jidher illi hawn lejn il-klassi politika, Robert Abela u l-Gvern li jmexxi għadu ferm u ferm aktar popolari minn Bernard Grech u l-Oppożizzjoni. U dan is-sondaġġi għadhom qed jindikawh biċ-ċar.  

More in Politika