Il-PBS qal fi stqarrija li mhuwiex minnu. li d-dokumentarju dwar il-ħajja tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff ġie kkanċellat u insista li se jkun qiegħed jixxandar 'fi żmien li ġej.'
Ix-Xandir Nazzjonali qal dan b'reazzjoni għal rapport fuq The Sunday Times li qal li dan id-dokumentarju li nħadem fl-aħħar xhur mhux se jkun qiegħed jixxandar minħabba biża' li jkun hemm rabja fost segwaċi Nazzjonalisti.
Hu mifhum li d-dokumentarju huwa maqsum f'erba' partijiet.
Madanakollu, fi stqarrija maħruġa llum, il-PBS ċaħad ir-rapporti u qal li d-dokumentarju se jkun qiegħed jixxandar dalwaqt.
Insista wkoll li jħoss li huwa fid-dmir tiegħu li jibqa' jfakkar, bi programmi simili, figuri importanti bħall-Prim Ministru Mintoff.
Propju għalhekk li l-PBS qal li l-produtturi ġew mitluba jaħdmu dokumentarju ieħor fuq l-eks Prim Ministru Ġorġ Borg Olivier biex imbagħad iż-żewġ dokumentarji u d-dati meta se jixxandru, jkunu mħabbra flimkien.