'La l-Gvern jibqa' jirrifjuta li jagħti lura l-flus li nsterqu, il-PN se jmexxi bil-kawża li nieda'

Il-PN jgħid li mhux interessat f'piki u partiġġjaniżmu iżda li ssir ġustizzja u li n-nies jieħdu flushom lura 

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li d-dibattitu tal-bieraħ fil-Parlament kien l-aħħar ċans tal-Gvern "biex jagħmel ġustizzja ma' dawk kollha li nsterqu mill-kontijiet tad-dawl u l-ilma. Fid-dawl tal-għażla tal-Gvern, li jibqa' jwebbes rasu, il-PN se jkun qed jipproċedi bil-kawża kollettiva fil-Qorti, li tħabbret xi ġimgħat ilu." 

Matul Konferenza tal-aħbarjiet, il-Kelliem għall-Enerġija u l-Intrapriża Mark Anthony Sammut, wara d-diskussjoni mressqa mill-PN biex ikunu emendati l-Avviżi Legali li ressaq il-Gvern biex "ikun ikkoreġut is-serq mill-kontijiet" il-PN qed jinsist li minflok ma' l-korrezzjoni tkun effettiva mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena, kif jingħat fl-Avviż Legali, tkun effettiva mill-1 ta' Jannar 2014 meta n-nies fil-fatt bdew jirċievu l-kontijiet attwali ta' kull xahrejn. 

Il-PN qal li "f'siegħa u kwat ta' diskorsi, il-Gvern għażel biss li jattakka - kultant b'mod personali - u b'gideb li l-Labour ilu jgħid sa minn qabel l-2013." Il-Partit jgħid li l-Gvern ta' Abela għażel li jitfa' t-tajn fuq stejjer li ġew investigati u li mill-investigazzjonijiet irriżulta li ma kien hemm xejn "milli vvinta l-Labour. Minflok, il-membri tal-Gvern għażlu li jkomplu jġibu kull skuża u jwaħħlu f’ta’ qabilhom għal dan is-serq." 

Sammut żied jgħid li mhux interessat f'piki u partiġġjaniżmu iżda li ssir ġustizzja li n-nies jieħdu flushom lura. "Għax jekk il-Labour qed jgħid li din is-sistema ilha tintuża’ mill-2009, imur lura sal-2009 u jippubblika kemm hemm flus x’jingħataw lura għal kull sena minn dak iż-żmien sal-lum ħalli l-poplu jkun jaf kemm hu veru li s-serq ilu għaddej minn qabel." Minkejja dan żied jgħid li minflok il-Gvern ma laqgħax din l-istena u għażel li jwebbes rasu. 

Fl-aħħar tal-konferenza Sammut qal li l-PN qed jagħti ċ-ċans lil dawk li għadhom ma rreġistrawx biex ikunu parti mill-kawża kollettiva fil-Qorti biex jagħmlu dan sal-Ġimgħa, 9 ta’ Diċembru mis-sit elettroniku kontijiet.com jew billi jwasslu d-dettalji tagħhom fid-Dar Ċentrali.

 

More in Politika