Rigal tal-Milied għall-iżviluppaturi? 15-il għaqda imħassba dwar emenda li tista' żżid l-iżvilupp illegali

L-għaqdiet qed jisħqu li bl-emendi mressqa, skema li kellha ddum sentejn biss iżda li ġiet estiża b’mod indefinit u żvillupaturi se jkunu jistgħu jħallsu multa biex jillegalizzaw l-irregolaritajiet tagħhom f'ODZ

Ħmistax-il għaqda qed jappellaw lill-pubbliku biex immedjatament joġġezzjona għad-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar (PA) li “tagħti rigal bikri tal-Milied” lill-iżviluppaturi li jiksru l-liġi permezz ta’ emenda legali li, fi kliemhom se tkun qed tħassar il-konfini ta’ Żoni Barra mill-Iżvilupp (ODZ) u tirregolarizza aktar żvilupp illegali.

Fi stqarrija, l-għaqdiet qalu li l-konsultazzjoni pubblika dwar dan hija miftuħa biss għal 14-il ġurnata u tagħlaq fil-21 ta’ Novembru, li jfisser li l-oġġezzjoni tal-pubbliku għal din l-iskema hija urġenti.

L-għaqdiet spjegaw kif bl-emendi proposti mill-Awtorità tal-Ippjanar għar-Regolamenti dwar ir-Regolarizzazzjoni ta’ Żvilupp Eżistenti tal-2016, skema li kellha ddum sentejn biss iżda li ġiet estiża b’mod indefinit, l-iżviluppaturi li bnew fuq siti li huma “parzjalment” f’ODZ issa se jkunu jistgħu jħallsu multa biex jillegalizzaw l-irregolaritajiet tagħhom.

Filwaqt li l-iskema ta’ regolarizzazzjoni oriġinali tal-2016 aċċettat biss siti fil-konfini tal-iżvilupp, l-iskema l-ġdida tirreferi għal siti li jidħlu fuq ODZ u se tinkludi wkoll żvilupp illegali li jmur kontra l-politiki tal-ippjanar.

“Il-politiki li suppost jipprevjenu tali żvilupp milli jitħalla jsir issa se jiġu annullati minn żviluppaturi li qed ifittxu li jirregolarizzaw l-illegalitajiet tagħhom bi skambju għal multa żgħira,” qalu l-Għaqdiet. “Dan jippermetti lill-iżviluppaturi jqiegħdu fis-suq il-proprjetajiet tagħhom li qabel kienu illegali peress li l-banek imbagħad ikunu f'pożizzjoni li jiffinanzjaw ftehimiet li qabel ma kinux jistgħu jiġu finanzjati.”

Qalu wkoll li l-iskema l-ġdida, tippermetti anke regolarizzazzjoni ta’ proprjetajiet li ġew notifikati b’avviżi ta’ infurzar qabel l-2016 sakemm l-iżviluppatur ikollu permess ta’ qabel l-2016 f’idejh. 

Il-Partit Laburista, immexxi mill-eks avukat tal-PA u Prim Ministru attwali Robert Abela, kien wiegħed kontrolli aktar stretti fuq l-iżvilupp f’ODZ waqt l-elezzjoni ġenerali ta’ din is-sena. Jekk din l-emenda tiġi approvata, l-iskema tagħmel eżattament l-oppost

L-għaqdiet innutaw kif minflok ma jagħlaq l-iskema ta’ regolarizzazzjoni tal-2016 kif kien imwiegħed oriġinarjament, il-Gvern iddeċieda li jkompli jwessa’ l-istess skema.

“Filwaqt li huwa redikolu li jkollna ngħidu dan, ikollna nirrimarkaw li l-funzjoni tal-PA mhix li tippermetti n-negozju fis-suq tal-proprjetà iżda li żżomm mal-politiki tal-ippjanar tagħha u tiżgura li l-iżviluppaturi jkunu konformi mal-politika maħsuba biex tissalvagwardja l-ambjent,” qalu l-Għaqdiet.

Fakkru li kemm il-Partit Laburista "mmexxi mill-eks Avukat tal-PA u l-Prim Ministru attwali Robert Abela," kien wiegħed kontrolli aktar stretti fuq l-iżvilupp f’ODZ waqt il-kampanja elettorali.

Insistew li jekk din l-emenda tiġi approvata, l-iskema tagħmel eżattament l-oppost u tippermetti lil żviluppaturi li kemm-il darba injoraw il-konfini tal-ODZ jiksbu approvazzjoni legali għas-serq sfaċċat ta’ spazji li suppost ma jistgħux jiġu żviluppati.

L-għadiet li ffirmaw din l-istqarrija huma:

1.     ACT Malta

2.     Azzjoni: Tuna Artna Lura

3.     BirdLife Malta

4.     Din l-Art Ħelwa

5.     Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA)

6.     Friends of the Earth Malta

7.     Għaqda għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Paċi

8.     Għawdix

9.     Malta Youth in Agriculture (MaYA)

10.  Moviment Graffitti

11.  Nature Trust – FEE Malta

12.  Ramblers’ Association Malta

13.  Rota

14.  The Archaeological Society Malta

15.  Wirt Għawdex

 

More in Politika