Minkejja 1,800 oġġezzjoni l-għaqdiet ambjentali huma mħassba bi proġett viċin iż-żona arkeoloġika tal-Ġgantija

Fost oħrajn, l-għaqdiet qed jakkużaw lis-Supretendenza għall-Patrimonju Nazzjonali b'u-turn dwar dan proġett li fi kliemhom se jkollu impatt negattiv fuq id-dehra tal-Mitħna ta' Kola

Għaqdiet ambjentali qalu li huma mħassba b’u-turn tas-Supretendenza għall-Patrimonju Nazzjonali dwar applikazzjoni għall-bini ta’ blokka appartamenti viċin it-tempji tal-Ġgantija u li jista’ jkollu impatt dirett fuq id-dehra tal-Mitħna ta’ Kola.

L-iżvilupp propost huwa għall-bini ta’ blokka għal 24 appartamenti li għaliha daħlu xejn inqas minn 1,800 oġġezzjoni.

Is-Supretendenza għall-Patrimoju Nazzjonali, oriġinarjament kien xettiku dwar l-iżvilupp minħabba li huwa viċin żona ta’ importanza arkeoloġika u anke għax huwa biss 30 metru ‘l bogħod mill-Mitħna ta’ Kola. 

Madanakollu, wara reviżjoni minima ta’ dan il-proġett, fejn tnaqqas biss sular, l-istess Supretendenza qed tgħid li dan il-proġett mhux se jkollu impatt negattiv fuq id-dehra la tal-mitħna u lanqas tal-Ġgantija.

Fil-fatt, fi żmien seba’ xhur, is-Supretendenza qalet li r-ritratti editjati li jagħtu idea ta’ kif se jidher il-proġett juru li mhux se jkun hemm impatt fuq il-mitħna.

Iżda Flimkien Għal Ambjent Aħjar qed tisħaq li l-istess ritratti ma jurux ħajt lixx ta’ tliet sulari li se jkun qed jinbena biswit il-mitħna, liema ħitan mhumiex permessibbli li jittellgħu f’żoni ta’ koservazzjoni urbana.

Victor Borg, f’isem l-eNGOs, saħansitra qal li r-ritratti editjati mhumiex kredibbli għax jagħtu stampa finta tal-għoli tal-bini.

L-għaqdiet qed jisħqu wkoll li meta dawk li oġġezzjonaw għal dan l-iżvilupp taw eżempji ta’ applikazzjonijiet oħra fiż-żona li ġew miċħuda, iċ-chairperson tal-Awtorità tal-Ippjanar “sikkitihom.” Qalu li l-istess chairperson kemm-il darba ddefenda l-istess proġett. 

Apparti minn hekk qalu li l-proġett huwa propost li jsir f’żona dejqa u għalhekk se jkollu impatt dirett fuq it-traffiku taż-żona u fuq il-karatteristiċi kwieti tax-Xagħra. 

More in Politika