Sondaġġ ILLUM | Bini tiela' kullimkien! 64.5% inkwetati ħafna

83% tal-Għawdxin jgħidu li huma inkwetati ħafna bil-kostruzzjoni li għaddejja f'kull parti tal-gżira

Kull fejn tmur u titkellem man-nies kważi kulħadd jilmenta li "kullimkien tiela'", "kullimkien krejnijiet" u li Malta qisha sit ta' kostruzzjoni. Jidher li - apparti l-għoli fil-prezzijiet - ir-rata ta' kostruzzjoni li għaddejja fil-pajjiż hija l-inkwiet ta' ħafna Maltin.

Sondaġġ xjentifiku tal-gazzetta ILLUM jipprova dan bl-aktar mod ċar hekk kif meta mistoqsijin kemm huma inkwetati bis-sitwazzjoni ta' ħruġ ta' permessi għall-bini, kienu b'kollox 64.5% tal-parteċipanti li wieġbu "ħafna" u 16.8% biss li wieġbu "xejn". Kienu b'kollox 18.5% li wieġbu "ftit" u persentaġġ żgħir ħafna ta' 0.2% li ma weġbux.

L-aktar inkwetati fuq din is-sitwazzjoni kienu ż-żgħażagħ, l-Għawdxin, dawk b'edukazzjoni terzjarja, dawk li qalu illi fl-2022 jew inkella kieku ssir elezzjoni issa jivvutaw lill-Partit Nazzjonalista kif ukoll dawk li fl-aħħar elezzjoni (jew kieku ssir elezzjoni issa) ma jivvutawx.

Huma l-anzjani, dawk fix-xlokk tal-pajjiż u votanti Laburisti l-inqas li esprimew inkwiet  - anke jekk fir-realtà fost dawn il-gruppi ta' parteċipanti xorta hemm maġġoranza relattiva u ċara li qalu illi huma inkwetati ħafna.

Għawdex: Biża' li jinqered bil-bini

"Inti d-djamant f'nofs il-Mediterran... Għawdex int biss tagħtini s-serħan" tgħid il-kanzunetta. Imma l-Għawdxin huma inkwetati bil-kbir dwar is-sitwazzjoni tal-bini u kemm gżirithom se tibqa' djamant li jagħti s-serħan.

Fil-fatt, filwaqt illi l-inkwiet dwar il-kostruzzjoni qatt ma jaqbeż is-70% f'Malta, fil-gżira tat-tliet għoljiet huma 83% li qalu illi huma inkwetati mmens bis-sitwazzjoni tal-bini. Inċidentalment Għawdex huwa fil-fatt fejn jgħix wieħed mill-akbar żviluppaturi Maltin, b'numru ta' permessi kontroversjali: Joe Portelli.

Huma inqas minn 5% dawk l-Għawdxin li qalu li ma huma inkwetati xejn u 12.2% li wieġbu "ftit."

Wara l-Għawdxin, l-aktar inkwetati huma dawk li jgħixu fit-Tramuntana u dawk li jgħixu fit-Tramuntana tal-Port, li infakkru illi jinkludu lokalitajiet bħal Tas Sliema, San Ġiljan u San Pawl il-Baħar - lokalitajiet, speċjalment din tal-aħħar - illi fihom għaddej bini u kostruzzjoni b'rata mgħaġġla ħafna. Fit-Tramuntana (San Pawl, il-Mosta, Naxxar...) 66.9% esprimew tħassib kbir, li jitla' għal kważi 68% fit-Tramuntana tal-Port (Tas Sliema, Swieqi, San Ġiljan, Pembroke, Birkirkara, l-Imsida...).

Minn naħa l-oħra huma dawk li jgħixu fix-xlokk ta' Malta li huma l-inqas inkwetati, u allura dawk li jgħixu f'żoni bħaż-Żurrieq, il-Qrendi, l-Imqabba, Birżebbuġa, Ħal Għaxaq, iż-Żejtun, Marsaxlokk u aktar. Notevolment dawn huma kollha rħula xi ftit jew wisq maqtugħin minn xulxin b'widien, xagħari u għelieqi - b'aspett agrikolu b'saħħtu - kuntrarjament għaċ-ċentru urban ta' Malta.

Minkejja dan, xorta huma 55.3% dawk li esprimew  tħassib kbir f'dan ir-reġjun, b'28.5% jgħidu li ma huma inkwetati xejn.

Iżgħar fl-età? Aktar inkwetati!

Il-kuxjenza ambjentali hija akbar fost dawk li huma iżgħar fl-età u din kienet ippruvata minn diversi sondaġġi li dehru fuq il-gazzetta ILLUM kif ukoll fuq sondaġġi diversi oħrajn. U dan is-sondaġġ jikkonferma dan mill-ġdid hekk kif huma 68% dawk bejn is-16 u 35 sena li huma inkwetati ħafna bis-sitwazzjoni tal-bini, persentaġġ li jinżel ftit għal 67% fost dawk bejn 35 u 50 sena iżda li jinżel b'7% fost dawk bejn 51 u 65 sena. Fil-fatt fost dan l-aħħar grupp ta' etajiet huma 22% dawk li qalu illi s-sitwazzjoni tal-bini u l-kostruzzjoni ma hi qed iddejjaqhom xejn.

Mill-ġdid kien hemm differenza qawwija skont il-livell edukattiv hekk kif filwaqt li 79.2% tal-parteċipanti b'livell edukattiv terzjarju esprimew tħassib kbir dwar il-bini li għaddej fil-pajjiż u 6.5% biss qalu li dan ma jinkwetahomx, huma b'kollox 24% dawk b'edukazzjoni primarja li dan il-bini u krejnijiet ma' kull kantuniera mhu qed idejjaqhom xejn. Minkejja dan, maġġoranza ta' 52.4% ta' dawk li ma komplewx l-iskola xorta huma inkwetati ħafna.

In-nazzjonalisti aktar inkwetati... u t-tort ta' min?

U bħal kollox f'dan il-pajjiż kull munita fiha żewġ naħat politiċi u allura dak li jdejjaq lill-votant "fl-Oppożizzjoni" ma jdejjaqx lil dak il-votanti "fil-Gvern". Fil-fatt il-votanti Nazzjonalisti - kemm fl-2022 u anke dawk illi kieku llum jivvutaw PN - esprimew bil-wisq aktar tħassib u inkwiet dwar il-bini u l-kostruzzjoni minn votanti nazzjonalisti.

Fil-fatt, 85% ta' dawk li jivvutaw PN illum u 87.4% ta' dawk li vvutaw PN fl-aħħar elezzjoni qalu li huma inkwetati ħafna bis-sitwazzjoni tal-bini fil-pajjiż. Persentaġġ li jinżel għal 40% fost dawk li jivvutaw lill-Partit Laburista llum u 45.2% fost dawk li vvutaw PL f'Marzu li għadda. Minkejja din id-dikotomija fil-ħsieb, xorta qegħdin f'maġġoranza dawk il-votanti Laburisti li huma inkwetati ħafna, hekk kif huma 28.3% ta' dawk li jivvutaw Labour kieku ssir elezzjoni issa li qalu illi s-sitwazzjoni tal-bini ma ddejaqhom assolutament xejn.

Huma b'kollox 75.3% dawk li ma jivvutawx kieku ssir elezzjoni llum u li huma inkwetati ħafna bis-sitwazzjoni tal-bini.

Iżda t-tort ta' min huwa? Tal-Ministru? Tal-Gvern? Jew tal-iżviluppatur?

50.3% jemmnu li t-tort tas-sitwazzjoni hija ta' tlieta li huma flimkien, b'26.9% li jwaħħlu fil-Gvern u magħhom 5.9% li jwaħħlu fil-Ministru u allura realistikament 32.8% qed iwaħħlu fil-Gvern kollu jew membru tiegħu. 15.2% iwaħħlu fl-iżviluppaturi.

Jekk inti minn naħat ta' Birżebbuġa, iż-Żejtun jew iż-Żurrieq - probabilment l-inqas li twaħħal fil-Gvern għas-sitwazzjoni hekk kif huma 18.4% biss li jagħmlu dan fin-naħa tax-xlokk. Imma jekk inti Għawdxi jew inkella tgħix in-naħat tal-Mosta, Mellieħa u San Pawl il-Baħar probabbilment l-aktar illi twaħħal fil-Gvern jew inkella fil-Ministru.

Fil-fatt iktar minn terz (38%) tal-Għawdxin jwaħħlu fil-Gvern għas-sitwazzjoni tal-bini b'3.5% fil-Ministru, għal total ta' 41.5% li jippontaw is-swaba lejn il-Gvern. Fit-Tramuntana imbagħad huma 28.3% dawk li jwaħħlu fil-Gvern u 9.4% li jwaħħlu fil-Ministru, għal total ta' 37.7% li jippuntaw is-swaba' lejn il-Gvern.

Minkejja li, mill-ġdid, fuq bażi ta' politika n-nies jinqasmu l-Labour xorta għandu 21% tal-votanti tiegħu f'Marzu u anke ta' issa li jwaħħlu fil-Gvern. Dan filwaqt li 4.4% ta' dawk li vvutaw PL f'Marzu jwaħħlu fil-Ministru, għal total ta' 25.4% li jippontaw subgħajhom lejn il-Gvern jew membru tiegħu.

More in Politika