Qtil Daphne | 'Nemmen li Robert Abela għandu l-kuraġġ li jagħmel ġest simboliku imma radikali'

Jason Azzopardi qal li fil-ħames anniversarju mill-assassinju ta' Caruana Galizia, il-Prim Ministru għandu jagħmel ġest simboliku u jibgħat messaġġ ta' għaqda

Jason Azzopardi (Ritratt ta' James Bianchi)
Jason Azzopardi (Ritratt ta' James Bianchi)

L-eks Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi qed jappella lill-Prim Ministru Robert Abela biex f'dawn il-jiem jagħmel "ġest simboliku u radikali" biex jonora l-memorja ta' Daphne Caruana Galizia u jibgħat messaġġ ċar ta' għaqda nazzjonali.

Azzopardi qal dan mas-sit illum.com.mt f'kummenti hekk kif nhar il-Ħadd li ġej se jkun imfakkar il-ħames anniversarju mill-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

L-ILLUM staqsiet lil Azzopardi għaliex jaħseb li ħames snin wara dan l-assassinju, il-pajjiż għadu ma ngħaqadx. Fil-fatt, l-ebda Prim Ministru, la Joseph Muscat u lanqas Robert Abela, ma marru jsellmu l-memorja ta' Caruana Galizia fuq il-post li fih inqatlet.

L-Avukat tal-familja Caruana Galizia qal li f'dan l-anniversarju jixtieq jagħmel appell sempliċi u umli lill-Prim Ministru. 

"Illum jiena ċittadin normali u komuni imma li għandi interess li nara lill-pajjiż miexi 'l quddiem. Biex dan iseħħ, il-mexxejja tal-pajjiż u l-istituzzjonijiet tal-pajjiż jeħtieġ jiġbdu ħabel wieħed għax huwa ċar li dan għadu mhux il-każ," insista Azzopardi.

Fakkar li hu llum mhuwiex parti minn partiti politiku u għalhekk l-appell tiegħu "mhuwiex wieħed partiġġjan."

"B'rispett lejn il-kariga tal-Prim Ministru nagħmillu appell biex f'dan tmiem il-ġimgħa jagħmel ġest simboliku imma radikali. Jiena nemmen li Robert Abela kapaċi jagħmilha. Fil-fond ta' qalbi nemmen li għandu l-kuraġġ u d-diċenza biex jagħmel dan," saħaq Azzopardi.

Fi kliemu, mhux se jkun hu li jgħid lill-Prim Ministru x'għandu jkun dan il-ġest imma qal li hemm diversi modi kif jista' jagħmel dan mingħajr ħafna daqq ta' trombi. Qal li Abela jista' pereżempju jattendi l-quddiesa li se ssir nhar il-Ħadd filgħodu fil-Bidnija jew f'xi ħin iżur is-sit fejn inqatlet Daphne.

Fi kliemu, il-pajjiż huwa għatxan għal messaġġ ta' għaqda u ta' tmexxija u Abela jista' jagħmel dan.

“Tkun mexxej jekk f’dawn il-mumenti tkun kapaċi togħla ‘l fuq minn politika. Daphne ma kinitx ta’ partit. Lill-PN ikkritikatu. Lili kkritikatni wkoll. Ma kellha l-ebda kantunieri. Il-Prim Ministru jista’ jibgħat messaġġ li mhux business-as-usual u huwa fl-interess nazzjonali li nibagħtu messaġġ li l-korruzzjoni hija ħażin u serq minn ħalq il-fqir,” temm jappella Azzopardi.

Jason Azzopardi se jkun wieħed mill-persuni intervistati f'ħarġa speċjali tal-gazzetta ILLUM fil-ħames annivesarju mill-qtil ta' Daphne Caruana Galizia nhar il-Ħadd 16 ta' Ottubru 2022.

More in Politika