'Qed nistudjaw mudelli fejn il-privat jidħol sħab mal-Gvern għal proġetti ambjentali' - Miriam Dalli

Il-Ministru tgħid li għaddej ix-xogħol preparatorju u l-istudji fuq diversi proġetti u fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ikun f'pożizzjoni li jagħti aktar dettalji

Il-Ministru responsabbli mill-ambjent, Miriam Dalli saħqet ma' dan is-sit li l-impenn tal-Gvern biex iwettaq diversi proġetti ta' tħaddir urban għadu hemm u l-Gvern qed jistudja mudelli differenti ta' finanzjament.

Fl-aħħar kampanja elettorali, il-Partit Laburista wiegħed investiment ta' €700 miljun fi proġetti ambjentali u ta' tħaddir urban.

Il-Ministru Dalli, fl-aħħar jiem qalet li l-Gvern qed ifittex modi alternattivi kif jiffinanzja dawn il-proġetti u qalet dan fid-dawl tal-fatt li l-Gvern qed jaħdem u jesplora modi kif inaqqas in-nefqa tiegħu, anke minħabba s-sussidji li qed ikollu joħroġ biex iżomm il-prezzijiet tal-enerġija u l-fuel stabbli.

Mistoqsija mis-sit illum.com.mt dwar x'riedet tfisser eżatt meta tgħid hekk, il-Ministru Dalli qalet li l-Gvern qed iħares lejn sistemi differenti ta' kif dawn il-proġetti jistgħu jsiru.

Insistiet li jista' jkun hemm proġetti li jidħol għalihom il-Gvern, iżda qed ikunu studjati mudelli wkoll, li jintużaw f'pajjiżi differenti, fejn mal-Gvern, jidħol fi sħab ukoll il-privat.

"Qed naraw u nistudjaw dawn il-mudelli u anke finanzjament ieħor li nistgħu nieħdu mill-Unjoni Ewropea," qalet Dalli.

Mistoqsija wkoll fiex wasal ix-xogħol fuq uħud mill-proġetti, inkluż dak ta' Triq Sant'Anna fil-Furjana, il-Ministru qalet li għaddej ix-xogħol preparatorju mhux biss fuq dan il-proġett imma anke fuq il-proġetti l-oħra mwiegħda.

Fost dawn kien hemm il-proġett fl-inħawi tal-mini ta' Santa Venera.

Fi kliemha l-istudji qed isiru fuq il-proġetti kollha u fil-ġimgħat li ġejjin il-Gvern ikun f'pożizzjoni li jagħti aktar dettalji.

More in Politika