Multa ta' €7,000 hekk kif jinstab ħati ta' diversi nuqqasijiet ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol

In-nuqqasijiet jinkludu nuqqas ta’ lqugħ adegwat biex jiġu evitati waqgħat mill-għoli, nuqqas ta' tagħmir protettiv personali u l-ewwel għajnuna...

Direttur ta’ kumpanija ġie mmultat €7,000 għal diversi nuqqasijiet ta’ saħħa u sigurtà li wasslu biex ħaddiem weġġà' gravi fuq il-post tax-xogħol.

In-nuqqasijiet jinkludu dawk relattati mal-evalwazzjoni tar-riskju, nuqqas ta’ lqugħ adegwat biex jiġu evitati waqgħat mill-għoli, it-tagħmir protettiv personali, l-ewwel għajnuna kif ukoll li min iħaddem ma tax widen tad-direzzjoni tas-supervisor tal-proġett.

Hu nstab ħati mill-Maġistrat Simone Grech li naqas milli jħares is-saħħa u s-sigurtà tal-impjegati, kif ukoll tal-persuni kollha li setgħu ġew affettwati mix-xogħol li kien qed isir. Naqas ukoll li jagħmel, jew jiżgura li ssir evalwazzjoni xierqa tar-riskju tal-perikli kollha li setgħu kienu preżenti fuq il-post tax-xogħol. Dawn l-evalwazzjonijiet għandhom jikkonċernaw kull attività ta’ xogħol, kif ukoll ir-riskji tal-ħaddiema u tal-persuni li jaħdmu għal rashom li jistgħu jkunu esposti għalihom. L-akkużat instab ħati wkoll Ii bħala persuna li tħaddem, naqas mili jieħu l-miżuri neċessarji biex jevita waqgħat mill-għoli, partikolarment bl-użu ta’ bennieni solidi li jkunu għoljin biżżejjed u jkollhom ta’ l-anqas bord tat-tarf, poġġaman ewlieni u poġġaman intermedju jew alternattiva ekwivalenti. Huwa naqas ukoll mili jiżgura li x-xogħol fl-għoli jitwettaq biss b’apparat speċjali jew bl-użu tal-apparat ta’ protezzjoni kollettiv bħal ma huma l-bennieni, il-pjattaformi jew ix-xbieki tas-sigurtà, jew jekk mhux possibbli, li jipprovdi u jara li jintużaw mezzi adatti tal-aċċess u arnessi ta’ sigurtà jew metodi ta’ ankraġġ oħra ta’ sigurtà. Naqas ukoll li jiżgura li poġġamani ta’ protezzjoni jitpoġġew madwar trombi u turġien. Fil-kapaċità tiegħu ta’ kuntrattur, huwa nstab ħati li ma ppreservax is-saħħa u s-sigurtà fuq sit ta’ kostruzzjoni, jieħu miżuri li jkunu jaqblu mal-bżonnijiet minimi stabbiliti u li ma tax widen tad-direzzjoni tas-supervisor tal-proġett.

Bħala persuna li jħaddem, huwa nstab ukoll ħati ta’ numru ta’ nuqqasijiet fir-rigward ta’ tagħmir protettiv personali fosthom li naqas li jiżgura li dan it-tagħmir ikun iħares id-dispożizzjonijiet speċifikati bil-liġi, li jintlibes għal ħin adegwat skont kemm ikunu serji r-riskji, il-frekwenza ta’ kemm bniedem ikun espost għar-riskju, il-karatteristiċi tal-post tax-xogħol ta’ kull ħaddiem u l-operazzjoni tat-tagħmir protettiv personali, fost oħrajn. Minbarra f’hekk, naqas li jiżgura li dan it-tagħmir jingħata mingħajr ebda ħlas minn min iħaddem u li jkun miżmum u jiffunzjona tajjeb.

More in Politika