Analiżi | Sajf, safar u sħana... imma l-uġigħ ta' ras u l-isfidi għal Abela ma battewx wisq!

Kien sajf ta' sħana, divertiment u safar. Imma l-PM Abela ma tantx kellu għaliex iserraħ rasu għax hemm tliet kwistjonijiet li qed issammru kontinwament fuq il-but tan-nies u l-but tal-Gvern stess. L-għoli tal-ħajja, is-sussidji u l-Air Malta huma l-akbar tliet sfidi li qed jiffaċċja Abela bħalissa... 

Minkejja li dan kien sajf politikament kwiet - probabbilment l-aktar sajf "xott" mhux biss mill-ilma imma anke mill-istejjer u d-drama politika, dan ma jfissirx li minn taħt ma kienx hemm u m'għadx hemm diversi kwistjonijiet li bil-mod, il-mod bdew u għadhom qed ibaqbqu!  

F'din l-analiżi il-gazzetta ILLUM se tagħti ħarsa lejn l-aktar kwistjonijiet problematiċi li jafu diġà qed jokkupaw ħafna mill-ħsibijiet tal-Gvern u tal-Prim Ministru u li jafu jwasslu għal sfidi, kritika u forsi wkoll tnaqqis fil-popolarità ta' Abela u tal-Gvern Laburista, fi żmien li ġej.  

L-għoli tal-ħajja jifnik kienu jgħidu fid-90ijiet. Hekk hu!
L-għoli tal-ħajja jifnik kienu jgħidu fid-90ijiet. Hekk hu!

L-għoli tal-ħajja... xafra taqta' miż-żewġ naħat? 

Bla dubju illi l-akbar uġigħ ta' ras għal Abela se tkun - jekk mhux diġà hi - il-kwistjoni tal-flus u l-finanzi, kemm fuq livell mikro - u allura d-dħul, il-flus fil-but u l-livell tal-għixien  - kif ukoll fuq livell makro - u allura l-finanzi tal-pajjiż.  

Nibdew mill-ewwel waħda. Tort jew mhux tort tal-Gvern, il-fatt li l-ħajja splodiet (mhux biss għoliet) jammettiha u qed iħossha kważi kulħadd. Statistika turi illi l-inflazzjoni laħqet is-7% - sitt darbiet iktar mis-sena l-oħra u l-ogħla rata ta' inflazzjoni f'dawn l-aħħar disa' snin. L-aktar li qed jogħlew huma l-prezzijiet tal-aktar affarijiet bażiċi: L-ikel, għalkemm fir-realtà qed jogħla kollox - minn servizzi, sa mawra sal-gym, il-hairdressers u nistgħu nibqgħu sejrin. L-għajta hija "kollox qed jogħla" mela allura fil-verità kulħadd qed jgħolli l-prezzijiet.  

Din hija problema u sfida kbira fuq żewġ binarji. L-ewwelnett l-għoli tal-ħajja se twassal biex tkompli tnaqqar aktar minn pagi li diġà huma meqjusin batuti, ta' nies li lanqas jaqbdu €1,200 jew saħansitra €1,000 wara li jħallsu l-bolol u/jew taxxi. Ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru illi għalkemm il-paga medja (meta tgħodd il-pagi kollha u taqsamhom ugwalment mal-ħaddiema kollha) - qabel it-taxxa - hija ta' madwar €1,700, li jfisser madwar €1,300 fi flus disponibbli. Minkejja dan, l-istess NSO wera' kif hemm eluf kbar ta' ħaddiema li fil-fatt għandhom paga li hija pjuttost inqas minn dan.  

Fil-fatt l-inqas pagi - skont dawn l-istess ċifri - huma ta' €1,128 fix-xahar għal impjiegi elementari, €1,287 għal machine operators u ħaddiema tal-fabbriki, €1,289 fix-xahar għal dawk li jaħdmu fl-oqsma tax-xogħol tal-idejn u snajja u medja ta' €1,215 għal ħaddiema li jaħdmu fil-qasam tal-bejgħ bl-imnut u servizzi. Ħaddiema klerikali jaqilgħu medja ta' €1,315 u persuni li jaħdmu bħala tekniċi għandhom pagi medji bażiċi ta' €1,676. 

Dawn il-pagi huma l-aktar li qed iħossu żidiet fl-aktar affarijiet bażiċi. U allura dan l-aspett ta' din iż-żieda jista' jwassal għal: Aktar nies li jispiċċaw fix-xifer tal-faqar (l-aħħar statistika mir-rapport SILC-EU turi illi f'Malta hawn madwar 85,000 persuna f'riskju ta' faqar). Inqas konsum, u allura rota ekonomika li timxi b'mod kajman. Aktar nies eliġibbli għall-benefiċċji soċjali, u allura spiża akbar għall-Gvern. U finalment, aktar problemi soċjali -b'mod ġenerali.  

Il-Gvern diġà indika sett ta' ċekkijiet għal dawk l-aktar vulnerabbli, qabel il-Milied u COLA - li fil-fatt mhux determinata direttament minnu - ta' bejn €9 u €10 fil-ġimgħa għal kull ħaddiem.  

Anke jekk iż-żieda fil-COLA hija waħda rekord (għax l-għoli huwa rekord) din xorta se toħloq problema għall-Gvern, lilhinn mill-argumenti ta' jekk għandhiex tiżdied daqshekk jew le.  

L-argument ta' min iħaddem huwa li jekk għall-grazzja tal-argument il-COLA tkun ta' €9.50 fil-ġimgħa, dan ikun ifisser li huma jridu joħorġu €494 aktar fis-sena, għal kull ħaddiem. Jargumentaw illi f'każ ta' post tax-xogħol li jħaddem 25 persuna (u allura negozju medju) dan ikun ifisser spiża ta' €12,350 iktar kull sena fuq pagi. L-argument ikompli illi sabiex min jimpjega jibqa' kompettitiv ħafna minn dawn it-€12,350 se jkollhom jgħaddu għand il-konsumatur, fuq prezzijiet ta' servizzi u prodotti - fejn dan huwa possibbli. Dan jisħqu xi assoċjazzjonijiet - fosthom il-Kamra tal-Kummerċ - se jwassal għat-tieni mewġa inflazzjonarja matul l-2023. Li twassal għal prezzijiet ogħla, COLA għolja u l-iggravar tal-problema tal-faqar u esklużjoni soċjali.  

Allura fejn se taqta' linja? Kif ser issolvi din il-problema u tnaqqas kemm jista' jkun mill-effetti primarji u sekondarji? Kif se jara Abela li jikkalma l-ilmijiet ibaqbqu ta' poplu li qed iħoss l-għafsa inflazzjonarja (anke jekk fost l-inqas fl-ewropa) filwaqt iżda li jevita li jsallab lil min iħaddem wisq u allura jevita t-tieni mewġa ta' inflazzjoni?  

Uġigħ ta' ras tal-beati pauli! Naraw x'se tkun ir-risposta tal-Gvern fil-Baġit.  

Sussidju. Tajjeb! U l-flus minn fejn se jiġu? 

Is-sussidji qed jilqgħu għal prezzijiet ogħla. Imma l-prezz tas-sussidji hemm qiegħed...
Is-sussidji qed jilqgħu għal prezzijiet ogħla. Imma l-prezz tas-sussidji hemm qiegħed...

Il-Gvern qed jilqa' għall-għoli tal-ħajja jew parti sewwa minnha billi jissussidja l-prezzijiet ogħla tal-gass, sabiex b'hekk il-kontijiet tad-dawl jibqgħu stabbli. Dan il-pass huwa mfaħħar mill-unjins u milqugħ minn negozji u l-poplu in ġenerali, li qajla jiflaħ aktar toqol u piżijiet lilhinn minn dawk li diġà hemm u li huma frott l-inflazzjoni.  

Minkejja dan, in-nefqa mhix ċajta! Il-Ministru tal-Finanzi il-ġimgħa l-oħra ħabbar illi dawn is-sussidji - kemm tal-enerġija u anke dawk relatati mal-ikel -  se jiswew b'kollox €600 miljun.  

Biex nagħtu ftit idea. €600 miljun huwa kemm ħareġ f'garanziji ta' self u appoġġ lil 700 negozju lokali, il-Bank Malti għall-Iżvilupp kemm ilu li twaqqaf fl-2017. €600 miljun huma kważi kemm spiċċa eventwalment sewa' l-Isptar Ġenerali ta' Mater Dei (€583 miljun). Mhux ċajta! Dan l-ammont ta' flus huwa wkoll kemm kien irreġistra defiċit il-pajjiż fl-ewwel erba xhur tal-2020, meta l-pajjiż kien qed jiffaċċja lockdown parzjali u l-bidu ta' pandemija. Dan l-ammont inċidentalment huwa wkoll kemm tat f'għajnuna makro-finanzjarja lin-negozji Ukreni, l-Unjoni Ewropea minħabba l-effetti tal-pandemija f'Diċembru 2020 (ħafna qabel kienet biss bdiet il-gwerra).  

Il-punt huwa li dan mhux ammont ta' flus żgħir u minkejja ħafna assigurazzjonijiet li mhux se mmorru għall-awsterità l-flus jridu jiġu minn ximkien. Hemm żewġ possibilitajiet: L-ewwel, li l-ekonomija tikber b'rata li tagħmel tajjeb biżżejjed għan-nuqqas ta' dan id-dħul.  

L-aħħar statistika proviżjonali tat-tieni kwart ta' din is-sena (April sa Ġunju) juru illi l-Prodott Gross Domestiku kien ta' €4.1 biljun, li jfisser illi l-ekonomija kibret b'€526.6 miljun meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2021. Wieħed jistenna li t-tkabbir reali se jkompli hekk kif fit-tielet kwart tas-sena qabad rittmu mgħaġġel it-turiżmu.  

Dan allura huwa kollu tajjeb u juri illi jekk l-ekonomija tkompli tikber b'rittmu mgħaġġel Abela ma jkollux wisq problemi għaliex id-dħul mill-konsum u l-attività ekonomika jagħmel tajjeb (jew parzjalment tajjeb) għall-infieq. Imma kif rajna, b'mod speċjali, fl-aħħar snin dan dejjem huwa riskju hekk kif ma għandniex kontrolli fuq dak li jiġri madwarna, bħal ma kellniex fuq pandemija li damet tkarkar sentejn jew gwerra, bħal ma għandna issa. Kollha fatturi li jwasslu għal xenarji ekonomiċi imprevedibbli.  

Il-Gvern jagħfas ukoll fuq il-bżonn li kulħadd iħallas it-taxxi u jidher li fuq dan il-front, għallinqas skont dak li kien irrapportat, il-Gvern/awtoritajiet qed jorganizzaw diversi rondi u jimmultaw nies u negozji li mhumiex joħorġu irċevuti (u allura jħallsu t-taxxi dovuti).  

Il-Prim Ministru kien irrapportat illi avża lill-Ministeri kollha biex inaqqsu l-baġit b'€200 miljun, għalkemm sal-lum minn fejn se jnaqqsu u liema proġetti se jitpoġġew fuq l-ixkaffa donnu ħadd ma jaf! Fuq din wieħed jistenna element ta' reżistenza minn Ministri, speċjalment jekk ikun deċiż li jitwaqqfu proġetti importanti u kruċjali għal dak il-Ministeru u politikament għall-Ministru innifsu.  

Allura taxxi mhux se jżid. Proġetti ħadd ma jaf eżatt liema mhux se jsiru. Allura dawn is-€600 miljun minn fejn se jiġu? 

Għasafar taċ-ċomb? 

U finalment it-tielet l-akbar uġigħ ta' ras għall-Prim Ministru Robert Abela bħalissa hija l-Air Malta u minn diversi aspetti wkoll.  

L-ewwel u qabel kollox irid ikun hemm deċiżjoni politika dwar x'se jiġri. Rapporti li l-Gvern għandu pjan lest biex jagħlaq il-linja nazzjonali qatt ma kienu miċħuda u data għal laqgħa mal-General Workers' Union propju fuq dawn ir-rapporti għadha ma ntlaqgħetx.  

Tkun, mil-lat simboliku, daqqa kbira u ironija għal Gvern Laburista li jħabbar l-għeluq tal-linja nazzjonali tal-ajru, proġett li welled hu stess fis-snin 70 meta hu stess ifakkar li l-PN u l-avversarji ta' Mintoff kienu jgħidu li l-AirMalta se tkun bħal "għasafar taċ-ċomb." Imma ħafna aktar minn hekk jekk il-Gvern jiddeċiedi li jieħu t-triq illi jagħlaq l-Air Malta u minflok jiftaħ linja nazzjonali ġdida, u b'hekk jibda l-proċess kollu ta' ingaġġ mill-bidu nett - anke jekk din tkun id-deċiżjoni kummerċjalment l-aktar vijabbli - tiġi bi prezz politiku qawwi.  

Ikun ifisser li teknikament kull min baqa' mal-linja nazzjonali jitlef xogħlu u l-kuntratt/kundizzjonijiet li bihom huma impjegati u jkunu jridu jibdew il-proċess mill-ġdid li jaf iħalliehom barra jew inkella b'kuntratti u kundizzjonijiet differenti u inqas favorevoli. 

Dan kollu ikun ifisser reżistenza u rabja, minn setturi differenti ta' ħaddiema kif ukoll probabilità ta' problemi ma' unjins li jirrapreżentawhom.   

Hemm, mill-ġdid, il-kwistjoni tal-flus u l-miljuni li mistennija tiswa' lill-Kaxxa ta' Malta l-iskema ta' rtirar kmieni għal mijiet ta' ħaddiema - fi żmien fejn huwa ċar li ma għadniex ngħixu fl-era tal-"money no problem."  

More in Politika