Repubblika trid lill-Avukat ta' Joseph Muscat jixhed fil-każ li fetħet dwar l-uffiċjali tal-Pilatus

Repubblika ressqet din l-applikazzjoni wara li l-Maġistrat Nadine Lia li tiġi mill-Avukat Lia ma laqgħetx it-talba biex ma tibqax tisma' l-każ li fetħet l-organizzazzjoni biex il-Pulizija jieħdu passi kontra uffiċjali tal-Bank Pilatus imsemmija fl-inkjesta

L-Avukat Pawlu Lia
L-Avukat Pawlu Lia

Repubblika ħabbret li se tkun qed titlob li l-Avukat Pawlu Lia jixhed fil-Qorti wara li aktar kmieni din il-ġimgħa, il-Maġistrat ma laqatx it-talba tal-NGO biex ma tibqax tippresiedi l-kawża li kienet fetħet l-istess organizzazzjoni u li fiha qed takkuża lill-Pulizija li ma ħadux passi kontra persuni msemmija fil-konklużjonijiet tal-inkjesta dwar il-Bank Pilatus.

Il-każ huwa reazzjoni għad-deċiżjoni li ttieħdet nhar it-Tnejn, mill-Maġistrat Nadine Lia, li qed tmexxi l-każ li fetħet Repubblika u li fih qed takkuża l-Pulizja li falliet milli ttella’ l-Qorti numru ta’ individwi li l-inkjesta kienet ikkonkludiet li għandhom jittieħdu passi kontrihom.

Fl-applikazzjoni, ippreżentata llum u ffirmata mill-Avukat Jason Azzopardi, l-organizzazzjoni qed titlob li l-Avukat Pawlu Lia jitla’ jixhed biex jikkonferma taħt ġurament li huwa jiġi mill-Maġistrat u li hu kien ukoll l-Avukat tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u anke tal-eks Chief of Staff Keith Schembri.

Repubblika qed tisħaq li din ir-relazzjoni hija importanti meta tqis li kemm Muscat u anke Schembri kellhom rabtiet mal-Bank Pilatus.

It-Tnejn li għadda, Lia ma laqgħetx it-talba biex tirrikuża ruħha. Insistiet li l-Avukat Ġenerali u l-Kummissarju tal-Pulizija ddikjaraw fil-Qorti li huma qatt ma pprovdew kopji jew dettalji tal-inkjesta lil Repubblika jew inkella lir-rappreżentanti tagħha. Insistiet ukoll li dawn ma kellhom l-ebda awtorità biex jippubblikaw partijiet minnha.

Lia qalet ukoll li l-inkjesta mhijiex pubblika tant li lanqas hi ma tħalliet tara l-kontenut, il-konklużjonijiet jew inkella tingħata informazzjoni dwar jekk din hux konkluża jew le.

Madanakollu, dalgħodu, il-President tal-NGO Repubblika, Robert Aquilina, taħt ġurament, ippreżenta traskrizzjoni ta’ partijiet mir-rapport tal-insemmija inkjesta bħala prova li din ġiet konkluża 18-il xahar ilu u li tgħid li hemm diversi persuni, Maltin u barranin, li dwarhom għandhom jittieħdu passi kriminali.

Insista li bid-deċiżjoni tagħha, il-Maġistrat Lia ma rat xejn ħażin li tibqa’ tmexxi każ li jista’ jwassal biex jittieħdu passi kontra eks klijenti tal-qarib tagħha. 

Fakkru li huma dawn l-uffiċjali biss li jafu l-identità tas-sid benefiċċjarju tal-kumpanija Egrant li dwarha kien l-Avukat Pawlu Lia stess li talab li tinfetaħ inkjesta.

Repubblika qed tisħaq li qed tirriserva d-dritt li tieħu l-każ tagħha quddiem il-Qorti Kostituzzjonali f’Malta u anke quddiem il-Qorti fi Strasburgu.

More in Politika