'Xibka ta’ korruzzjoni'... Grech jgħid li mhux jifhem is-silenzju ta' Abela dwar l-iskandlu tat-TM

F'intervista fuq l-istazzjon tar-radju NET FM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem fuq is-silenzju tal-Prim Ministru dwar l-iskandlu t-testijet tas-sewqan fi ħdan Transport Malta kif ukoll dwar l-għoli tal-ħajja 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qed jiddubita fis-silenzju tal-Prim Ministru fil-kwistjoni tal-iskandlu li ħareġ din il-ġimgħa meta tliet uffiċjali ta’ Transport Malta ġew akkużati b’tixhim u koruzzjoni wara li allegatament għenu studenti jgħaddu t-testijet tas-sewqan. Grech staqsa kif anke wara li ġie implikat Ministru, il-Prim Ministru xorta baqa’ ma tkellimx.

F'intervista fuq l-istazzjon tar-radju Nazzjonalista, NET FM, Grech qal li filwaqt li kulħadd qed iħossu xxukjat illi "l-Gvern huwa involut f’każ ieħor ta’ koruzzjoni," il-Prim Ministru għażel biex ma jikkumentax.

Fakkar ukoll li sa issa l-unika kummenti dwar dan l-iskandlu mill-Gvern, ġew minn kelliema fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Hawn huwa rrefera għat-tweġiba tal-OPM meta qal illi l-Uffiċċju nnifsu ma jaf bl-ebda kawża l-Qorti kontra l-ebda Ministru involut fil-każ. Intant, huwa żied jgħid illi persuni li akkwistaw il-liċenzja tagħhom b’dan il-mod qed jġibu biss periklu fit-toroq.

Aktar dettalji dwar il-każ...

Il-pulizija sa issa diġà bdiet tanalizza ‘l fuq minn 200 isem li nstabu f'djarji kkonfiskati mingħand id-Direttur ta’ TM Clint Mansueto, li qed ikun akkużat b'korruzzjoni marbuta ma' testijiet tas-sewqan.

L-investigaturi għandhom f’idejhom djarji tal-2021 u anke tal-2022, li kien fihom madwar 250 isem. Skont it-Times of Malta, il-pulizija qed tqabbel dawk l-ismijiet ma’ messaġġi u informazzjoni oħra biex tiddetermina jekk kollha ngħatawx trattament preferenzjali.

Sorsi qalu li ħafna mill-ismijiet kienu mniżżla bħala "appuntamenti" iżda f'ċerti każijiet, l-ismijiet, il-karti tal-identità u d-dati jikkorrispondu preċiżament mad-data li fiha l-individwi jkunu qagħdu, u għaddew mill-eżami tas-sewqan tagħhom. 

It-tliet irġiel kienu itellgħu l-Qorti t-Tnejn li għadda fuq allegazzjonijiet li għenu lil xi sewwieqa li qed jitgħallmu t-test jgħaddu mill-eżami tat-teorija u f’xi każi tal-prattika wkoll. It-tlieta li huma ċaħdu l-akkużi ta’ korruzzjoni meta dehru l-Qorti.

Kien fl-istess smigħ ukoll li ħareġ illi Clint Mansueto li kien responsabbli mid-Direttorat tal-vetturi fuq l-art, qal lill-Pulizija li kien qed ikun “taħt pressjoni minn Ministru” sabiex jagħmel dan kollu.

‘Il-kwalità tal-ħajja tiddeterjora’ - Bernard Grech dwar l-għoli tal-ħajja b’referenza għall-artiklu tal-ILLUM 

Fl-istess intervista il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel referenza għall-artiklu maħruġ fuq il-gazzetta ILLUM il-Ħadd li għadda dwar l-isplużjoni tal-faqar f’Malta.

Huwa tenna kummenti simili li għamel fl-aħħar jiem, u qal li għoli tal-ħajja qed tiddeterjora l-kwalità tal-ħajja. Saħaq li filwaqt li l-politiċi forsi ma jkunux qed ibatu, dawk bi dħul aktar baxx qed jissieltu biex ilaħħqu.

"Għandek nies li sa ftit ilu kienu jgħixu komdi, iżda issa qed jitħabtu. Fejn huma l-politiċi u Abela? X'qed jagħmlu biex jindirizzaw din il-kwistjoni? Hu temm jgħid li dan kollu juri biċ-ċar li “l-Gvern m’għandhux soluzzjonijiet lesti.”

“Ma naqqsux il-persons of trust, jew in-numru ta' direct orders...minflok, jiffrankaw il-flus mill-università, l-edukazzjoni u l-kwalità tal-ħajja tan-nies," ikkonkluda Bernard Grech.

More in Politika