'Tiġux hawn tipprotesaw magħna... Minflok, aqbdu l-bagalji u itilqu minn Malta issa' - Kristina Chetcuti

Kristina Chetcuti - waqt attività li tfakkar l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia - tħeġġeġ liż-żgħażagħ jitilqu mill-pajjiż, jiksbu l-esperjenza u wara jiġu lura biex ikunu l-mexxejja tal-futur

Kristina Chetcuti  - ritratt: James Bianchi
Kristina Chetcuti - ritratt: James Bianchi

Meta kienet qed tindirizza lil dawk preżenti llejla fil-Belt Valletta Kristina Chetcuti qalet illi l-uniku mod kif il-pajjiż jista' verament joħroġ miċ-ċirku qerriedi li qalet illi daħal fih fl-aħħar 10 snin, iż-żgħażagħ għandhom iħallu lil-pajjiż biex imbagħad jiġu lura "b'ideat ġodda u friski." 

Liż-żgħażagħ Chetcuti ħeġġithom: "Le tiġux hawn tipprotesaw magħna, minflok, aqbdu l-bagalji u itilqu minn Malta issa. Morru, duru, aħdmu, araw, duqu, tkellmu, għixu. Għixu mhux teżistu," ħeġġet Chetcuti, li kienet qed titkellem waqt attività li tfakkar fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia. Hija qalet illi l-ġenerazzjoni l-ġdida ta' ċittadini Maltin u ta' mexxejja hija dik li se tiġi lura fil-pajjiż mimlija ideat friski. 

Chetcuti kienet - kif mistenni - kritika ħafna tal-aħħar disa' snin u nofs ta' Gvern Laburista u sostniet illi meta tħares madwarha llum ma tara xejn ħlief konkrit u meta tiftaħ il-gazzetti ma tara xejn ħlief, "stejjer wara stejjer ta’ kif Joseph Muscat kien imdaħħal f’atti kriminali." 

Hija qalet illi kienet qed tittama li l-istituzzjonijiet - fosthom il-Pulizija jieħdu azzjoni, imma implikat li dawn huma kollha kompliċi mal-Gvern. 

"Ngħid jien, wara ħames snin ta’ ebda’ semblanza ta’ ġustizzja, għaliex dil-pjazza mhix mimlija nies? Hemm raġuni, naħseb: Qed naraw kollox imċajpar," sostniet Chetcuti, filwaqt li qalet illi żgħażagħ ta' 20 sena llum - skont hi -  jaħsbu li ma jimpurtax li taħtaf kemm tiflaħ, li teqred kemm tiflaħ jew li saħansitra "OK li tisplodi ġurnalista!"

Hija temmet tgħid li huwa meta ż-żgħażagħ Maltin jitilqu u  - skont hi - jduqu s-sbuħija, "meta jsibu kenn mill-kruha, hekk biss jagħrfu jkunu intolleranti għall-inġustizzji fis-soċjeta’ li jgħixu fiha."

'Il-PM fantażma fuq il-boat u l-Kummissarju għal frisk żdejn il-pool..."  - Dee Crespo

Intant tkellmet ukoll waqt l-attività Alessandra Dee Crespo - Viċi President ta' Repubblika li qalet illi l-Prim Ministru, li sejħet "fantażma" ma wettaqx ir-rakkomandazzjonijiet tal-Inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u lanqas ir-riforma li wiegħed fil-ġurnaliżmu. Hija sostniet illi filwaqt li "Robert Abela qed idur bil-boat" il-vojt li ħalla qed jimtela' minn Joseph Muscat. 

"Kemm qegħdin sew, il-Prim Ministru fantażma fuq il-boat, u l-Kummissarju tal-Pulizija Gafà, dak li qal li ma jindaħlulux minn Kastilja, għall-frisk fil-pool," sostniet Dee Crespo. 

Hija sostniet illi lil Daphne Caruana Galizia dawk preżenti mhux se jinsewha, anke jekk qalet li hemm min għandu l-interess li tiġi minsija. 

More in Politika